It-Torċa se joħorġu jgħidu li l-Labour għandu vantaġġ ta’ 8.4%

Fl-istħarriġ li se joħroġ il-Ħadd, tista' taqra li 69% biss tal-Laburisti se jivvutaw

Wara s-sondaġġ tal-MaltaToday u tal-Independent li kienu qed juru vantaġġ żgħir lill-PN u numru mdaqqas ta’ votanti Laburisti li mhux ser jivvutaw, it-Torċa ser tippubblika sondaġġ li juri li kieku kellha ssir elezzjoni ġenerali għada, il-Partit Laburista jirbaħha b’distakk ta’ 8.4% fuq il-Partit Nazzjonalista. Dan xorta waħda jirrappreżenta tnaqqis kbir mid-distakk fl-aħħar elezzjoni ġenerali. Analisti qalu lil din il-gazzetta li s-sondaġġ tat-Torċa mhux differenti tant mis-sondaġġ tal-MaltaToday u xorta hija inkwetanti tara eluf ta’ Laburisti ma jridux jivvutaw. 

Rigward in-numru ta’ votanti li se jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, l-istħarrig tal-MaltaToday u dak ta’ Marmarà jaqblu. 

L-istatistiku Vince Marmarà, li għamel dan is-sondaġġ u li huwa wkoll membru tal-Partit Laburista, jikteb fir-rapport: “Bit-turnout kif qiegħed bħalissa, meta għadna iktar minn tliet snin bogħod minn elezzjoni ġenerali, dan ikun differenza ta’ 20,478 vot għall-Partit Laburista fuq il-Partit Nazzjonalista.” Marmarà jikteb imma mhux bi prominenza li ma’ 69% biss ta’ Laburisti qed jgħidu li ser jivvutaw, anzi l-MaltaToday qalet li 71% tal-Laburisti ser jivvutaw. 

Marmarà jkompli: “Id-distakk bejn il-mexxejja poltiċi mbagħad ilaħħaq it-18.2% hekk kif il-Prim Ministru Robert Abela qed igawdi fiduċja qawwija u ferm ogħla minn dik fuq Bernard Grech, il-Kap tal-Oppożizzjoni.” Il-MaltaToday jikkonferma dan fis-sondaġġ b’distakk ta’ 19.8%. 

Ikompli fir-rapport tiegħu: “Meta r-riżultat ta’ dan l-isħarriġ jitqabbel mar-riżultat tal-Elezzjoni Ġenerali tas-sena li għaddiet, wieħed jinnota tnaqqis ta’ 3.6% għall-Partit Laburista, żieda ta’ 1.4% għall-Partit Nazzjonalista u żieda ta’ 2.1% għall-partiti oħrajn.”  

L-istħarriġ ta’ Marmarà, li huwa istatistiku u riċerkatur, sar bejn it-13 u l-20 t’Ottubru, ftit ġranet wara s-sondaġġ tal-MaltaToday. U wara li l-Partit Laburista wera li kien konċernat bil-kbir bis-sondaġġi taż-żewġ gazzetti indipendenti bl-Ingliż. 

More in Politika