Abela jgħid li għandha tiġi rrispettata l-liġi internazzjonali fil-kunflitt bejn Iżrael u l-Ħamas

Waqt laqgħa urġenti tal-mexxejja Ewropej, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-liġi internazzjonali għandha tiġi rrispettata minn dawk kollha involuti fil-kunflitt li għaddej f’Gaża

l-Iżrael għandha dritt tiddefendi lilha nnifsha, iżda dan għandu jkun konformi mal-liġijiet internazzjonali, Il-Prim Ministru Robert Abela qal waqt laqgħa urġenti mal-mexxejja Ewropej.

Il-Prim Ministru Robert Abela kkundanna l-atti tal-grupp terroristiku l-Ħamas, u saħaq li hemm distinzjoni ċara bejn il-militanti u l-Palestinjani f’Gaża. Huwa kompla jgħid li l-Unjoni Ewropea għandha tkompli tikkomunika ma’ Iżrael u l-Awtorità Palestinjana.

“Il-messaġġ ta’ Malta huwa konsistenti li l-liġi internazzjonali għandha tiġi rispettata minn dawk kollha involuti u paċi ġusta u komprensiva fir-reġjun tista’ tinkiseb biss permezz ta’ soluzzjoni ta’ żewġ stati.” Qal Abela

Il-laqgħa virtwali seħħet it-Tlieta filgħaxija hekk kif l-Unjoni Ewropra qed tipprova ssib qbil fuq is-sitwazzjoni tal-Lvant Nofsani. Dan fl-isfond ta' messaġġi mħallta li taw diversi sponenti tal-Unjoni Ewropea.

Filwaqt li kienet qed tintemm il-laqgħa virtwali, ħarġet l-aħbar li sptar ġie bbumbardjat u qatel 500 persuna f’Gaża. Il-Ħamas qal li l-Iżrael kienu responsabbli, iżda l-Iżrael qed jgġidu li l-isplużjoni kienet ikkawżata minn rokit difettuż li ġie sparat viċin l-isptar mill-grupp militar tal-Jihad.

“Malta se tkompli tikkundanna l-azzjonijiet tal-grupp terroristiku Ħamas, dan filwaqt li tinnota d-dritt ta’ Iżrael li tiddefendi ruħha skont il-parametri tal-liġi internazzjonali. Huwa importanti li l-Ħamas ma titqiegħedx fl-istess keffa bħall-Palestinjani ta’ Gaża,” qal Abela.

Il-Prim Ministru qal li l-UE trid tkompli ssejjaħ għall-ħelsien immedjat u bla kundizzjonijiet tal-ostaġġi kollha miżmuma mill-Ħamas, taħdem biex jonqsu t-tensjonijiet fir-reġjun, u tinsisti biex l-għajnuna umanitarja tilħaq lil dawk fil-bżonn.

Iżrael ibblokka u ibbumbardja Gaża bħala ritaljazzjoni għall-attakki tal-Ħamas fis-7 ta’ Ottubru. Is-sitwazzjoni f’Gaża ġiet deskritta bħala kriżi umanitarja hekk kif in-nies ġew imċaħħda mill-ikel, l-elettriku, l-ilma, il-fjuwil u l-provvisti mediċi.

“Huwa kruċjali li l-organizzazzjonijiet li jipprovdu l-għajnuna li jkollhom u r-riżorsi kollha biex ikomplu bil-ħidma tagħhom." saħaq Abela.

Abela qal li l-UE trid tintensifika wkoll l-isforzi tagħha biex issaħħaħ is-sigurtà interna fid-dawl tal-kunflitt li għaddej bejn l-Iżrael u l-Ħamas u appella għal monitoraġġ kontinwu tas-sitwazzjoni biex jiġu antiċipati l-isfidi li jistgħu jinħolqu.

More in Politika