Il-PN se jerġa jiddiskuti l-pożizzjoni tal-partit dwar sindki ta’ 16 il-sena wara kritika qawwija

Bosta kienu dawk li waqqgħu għaċ-ċajt il-proposta tal-Gvern ftit jiem ilu sabiex żgħażagħ ta’ 16-il sena jiġu eletti bħala sindki. Fid-dawl ta’ dan, il-PN qiegħed jiddiskuti pożizzjoni dwar dan l-abbozz ta’ liġi hekk kif din il-proposta hija waħda li oriġinat mill-PN stess 

Il-Partit Nazzjonalista qed jiddiskuti internament il-proposta li tħabbret mill-Gvern ftit jiem ilu li se tara li żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena jingħataw ċans sabiex jiġu eletti bħala sindki u viċi sindki.  

Dan hekk kif minkejja l-fatt li din il-proposta kienet tqajjmet għall-ewwel darba mill-Partit Nazzjonalista nnifsu, uħud mid-deputati Nazzjonalisti esprimew nuqqas ta’ qbil ma’ din il-proposta fuq il-midja soċjali.  

Dakinhar li ġie mħabbar li l-Gvern se jkun qed jagħmel dan il-pass, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni, Justin Schembri ddeskriva din il-proposta bħala, “L-aktar ħaġa bla sens li setgħet issir.” Huwa kompla billi qal li żgħażagħ ta’ 16-il sena m’għandhomx l-esperjenza neċessarja biex imexxu lokalità. 

Ftit wara, huwa ħassar il-kumment mill-mijda soċjali. 

Schembri kien irrifjuta milli jagħti kumment lill-gazzetta MaltaToday, hekk kif irrefera l-gazzetta għall-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Gvernijiet Lokali, Darren Carabott. 

Ġurnata wara fuq il-midja soċjali, id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut kiteb ukoll fuq is-suġġett, fejn qal, “Li kellu xi ħadd minn uliedi jgħidli li qed jitħajjar joħroġ għall-Kunsill Lokali ta' 16-il sena, parir wieħed intih: Iffoka fuq l-istudju u mur iddeverti ma' sħabek, għax iż-żgħożija darba tgħixha.” 

Sammut kompla jgħid li jekk żagħżugħ iħossu lest li jieħu l-pass biex ikun fit-tmun tal-lokalità, għandu jagħmel dan meta ma jkunx minorenni u l-ġenituri tiegħu ma jkunux responsabbli għad-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tiegħu. 

Ta’ min jinnota wkoll li Sammut u Schembri mhumiex waħidhom fil-kritika tagħhom għal din il-proposta. Dan hekk kif mijiet kbar ta’ persuni fuq il-midja soċjali kritikaw din il-proposta u saħansitra waqqgħuha għaż-żufjett.  

L-ILLUM tkellmet ma’ Sammut biex tiġi ċċarata l-pożizzjoni tiegħu fuq din il-proposta, fejn qal li l-PN lest biex jiddiskuti din il-proposta fiż-żmien li ġej fil-Parlament.  

Intant, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Gvernijiet Lokali, Darren Carabott qal lil din il-gazzetta li l-PN qiegħed jiddiskuti dan l-abbozz ta’ liġi b’mod intern, hekk kif fakkar li din l-idea ilha tiġi proposta mill-PN anke minn qabel Diċembru tas-sena l-oħra.  

Huwa rrefera lil din il-gazzetta għal dak li kien kiteb hu fuq il-midja soċjali, fejn innota ċertu nuqqas ta’ konsistenza bejn dak li kien propost mill-PN u dan l-abbozz ta’ liġi. 

Carabott fuq Facebook spjega li jekk tinbidel il-liġi biex żgħażagħ ta’ 16-il sena jkunu jistgħu jkollhom id-drittijiet u r-responsabbiltajiet legali kollha bħala persuni li jistgħu jaqdu din il-kariga.  

“Eżempju, fil-liġi kif ippreżentata mill-Gvern, persuna ta’ 16 jew 17-il sena li ġiet eletta Sindku tista’ tiffirma kuntratt biex tixtri binja f’isem il-Kunsill Lokali, iżda ma tistax tiffirma kuntratt f’isimha personali biex tixtri dar għaliha personali,” jispjega Carabott. 

Huwa kompla jgħid, “Għalhekk nemmnu li għandu jkun hemm konsistenza legali - u ċioe, li persuna magħżula u eletta Sindku fl-età ta’ 16 u 17-il sena għandha tiġi titqies bħala li hi tal-età għall-obbligazzjonijiet u fl-atti ċivili kollha ta’ dik il-persuna, u mhux biss fil-funzjoni ta’ Sindku.” 

More in Politika