PM: Malta se tkompli timbotta għal riżoluzzjoni paċifika fuq il-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Hamas

Waqt li kien qed jindirizza l-midja, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-pożizzjoni ta' Malta se tibqa' favur il-paċi u sistema ta' two state solution fuq il-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Hamas

Il-Prim Ministru Abela inawgura l-Iskola Primarja ta’ San Nikola fir-Rabat
Il-Prim Ministru Abela inawgura l-Iskola Primarja ta’ San Nikola fir-Rabat

Il-Prim Ministru ta’ Malta, Robert Abela, esprima l-appoġġ kontinwu għal riżoluzzjoni paċifika rigward il-kunflitt bejn Iżrael u l-Hamas, ibbażata fuq il-prinċipju ta’ soluzzjoni bejn iż-żewġ stati.

Waqt li kien qed jindirizza l-midja, Abela qal li Malta dejjem kienet konsistenti fil-pożizzjoni tagħha li tappoġġja d-drittijiet kemm tal-Iżraeljani kif ukoll tal-Palestinjani li jgħixu fil-paċi u s-sigurtà ġewwa l-istati tagħhom.

“Malta dejjem kellha dan il-kunsens li timbotta għal-two state solution, u dan huwa dak li Malta għadha qed timbotta,” sostna Abela.

Il-Prim Ministru Abela kkundanna kull forma ta’ vjolenza u appella għall-waqfien immedjat tal-ostilitajiet. Qal li l-Parlament ta’ Malta ħareġ stqarrija nhar il-Ħamis filgħaxija, fejn iddenunzja l-attakki mill-Ħamas fuq Iżrael, iżda jirrikonoxxi wkoll l-imblokk Iżraeljan ta’ Gaża li huwa illegali taħt il-liġi internazzjonali.

Żied jgħid li l-pożizzjoni ta’ Malta tirrifletti l-impenni tagħha biex tippromwovi paċi u stabbiltà fir-reġjun, dan filwaqt li turi is-solidarjetà tagħha mal-poplu Palestinjan.

Bħala parti mill-għajnuna umanitarja tagħha, Malta se tkompli tipprovdi għajnuna finanzjarja lill-Palestina, permezz tal-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ħidma ta’ Għajnuna (UNRWA), li tipprovdi servizzi essenzjali lil miljuni ta’ refuġjati Palestinjani.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta’ Malta, Ian Borg, qal li l-Gvern qed jesplora modi sabiex jassigura li d-donazzjonijiet mgħotija minn pajjiżna ma jispiċċawx f’idejn il-Ħamas, li hija meqjusa bħala organizzazzjoni terroristika għal bosta pajjiżi.

Is-sena l-oħra, Malta tat kważi €85,000 f’għajnuna għall-iżvilupp lill-Palestina, li €80,000 minnhom ingħataw lill-UNRWA. L-ammont li kien fadal intuża biex joffri opportunitajiet edukattivi lill-istudenti Palestinjani.

Din is-sena, Malta żiedet l-għajnuna għall-iżvilupp tagħha lill-Palestina għal €124,000, li €75,000 minnhom ġew allokati lill-UNRWA. Il-kumplament intużaw biex jiffinanzjaw żewġ boroż ta’ studju postgraduate fl-Università ta’ Malta għal studenti Palestinjani.

Iż-żewġ studenti waslu Malta u bdew l-istudji tagħhom.

More in Politika