Malta se tkun l-ewwel pajjiż fl-UE fejn persuna ta’ 16-il sena tista’ tkun eletta Sindku

Żgħażagħ Maltin taħt it-18-il sena jistgħu jilħqu Sindku jew Viċi-Sindku fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali

Ġie ppubblikat Abbozz ta’ Liġi sabiex żgħażagħ taħt it-18-il sena jkunu jistgħu jokkupaw l-irwol ta’ Sindku jew Viċi-Sindku.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici flimkien mas-segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, ippreżentaw abozz ta’ liġi fejn Malta se tkun l-ewwel pajjiż li se ddaħħal riforma li tippermetti żgħażagħ taħt it-18-il sena biex jikkontestaw u jiġu eletti fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali. Min jikseb l-ammont rikjest ta’ voti, jassumi l-irwol ta’ Sindku jew Viċi-Sindku.

L-Awstrija hi l-unika pajjiż fl-UE fejn persuni ta’ 16-il sena jistgħu jivvotaw fl-Elezzjonijiet Lokali, iżda ma jistgħux jikkontestaw bħala kandidat.

Bonnici saħaq “Aħna konna wegħidna fil-Manifest Elettorali li nwettqu din il-bidla leġislattiva. Bis-saħħa ta’ dawn l-emendi , il-Gvern se jkun qed iżomm kelmtu u dak li wegħidna u semmejna anke fl-Istrateġija Nazzjonali tal-Gvern Lokali 2023-2030, li ġiet imnedija f’Mejju li għadda, se nkunu qed inwettquh.”

Bonnici tenn jgħid li dan huwa vot ta’ fiduċja li se jibqa’ isaħħaħ ir-riformi importanti li diġá twettqu matul is-snin, fosthom id-dritt tal-vot liż-żgħażagħ ta’ 16-il sena u d-dritt li ż-żgħażagħ ta’ 18-il sena jikkontetsaw għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.

Bonnici kompla jgħid  “dan kollu qed nagħmluh għax għandna fiduċja kbira fiż-żgħażagħ tagħna u fir-rwol attiv li jrid ikollhom fit-tħaddim tad-demokrazija tagħna.”

Min-naħa l-oħra, Zerafa Civelli spjegat li se jkun hemm programmi ta’ taħriġ sabiex kull min jiġi elett biex iservi fil-Kunsilli Lokali jkun konxju tal-obbligi u d-dmirijiet li jkun daħal għalihom.

“Dan il-Gvern minn dejjem kellu fiduċja kbira fiż-żgħażagħ u permezz ta’ din il-bidla leġislattiva fil-qasam tal-Gvern Lokali, ser ikompli jsostni u jsaħħaħ dik il-fiduċja għaliex jemmen fil-potenzjal u l-enerġija li jistgħu joffru, irrispettivament mill-età,” saħqet Zerafa Civelli. Finalment Hija k ħeġġet aktar żgħażagħ biex jikkontestaw u jkomplu jagħmlu differenza fis-soċjetá.

More in Politika