Norma Saliba b’dubji fix-xogħol li sar mill-Kunsill għal-Lingwa Maltija

L-Eks Kap tal-Kamra tal-Aħbarjiet ta’ TVM Norma Saliba xettika fuq ix-xogħol u l-istrateġija tal-Kunsill tal-lingwa Maltija 

Norma Saliba qed tiddubita x-xogħol tas-superjuri tagħha għal-lingwa Maltija fl-isfond tal-kariga l-ġdida u kontroversjali tagħha sabiex tmexxi ċ-Ċentru tal-Ilsien Malti.  

Permezz ta’ Facebook post twila l-Ġimgħa filgħaxija, Saliba staqsiet x’ċans ingħatat biex turi kemm hi kapaċi tmexxi dan iċ-Ċentru u staqsiet fuq ix-xogħol li sar minn dan il-Kunsill sabiex jippriserva u jsaħħaħ l-ilsien Malti, l-istess Kunsill li kien ippremjaha fl-IĠM Awards bl-unur għall-aħjar użu tal-ilsien Malti. 

“Nistaqsi, x’ħidma qed iwettaq dan il-Kunsill? Xi proġetti għandhom għall-preservazzjoni u l-promozzjoni tal-ilsien Malti? Meta se jkollna dizzjunarju nazzjonali aġġornat? Għandu jkollna ċekkjatur? Sodisfatti bl-għodod teknoloġiċi fl-ilsien Malti? Hawn riżorsi biżżejjed għall-promozzjoni u l-użu ta’ lsien twelidna? X’viżjoni għandu l-Kunsill għas-snin li ġejjin biex il-Malti ma jintilifx fid-dawl tal-aħħar żviluppi soċjali u ekonomiċi?” 

Saliba qalet ukoll li “ħadd m’għandu dritt ikisser persuna mingħajr lanqas biss jiċċekkja sew il-fatti jew imqar jibda jaħdem magħha... Xi ħadd indenja ruħu jiċċekkja eżatt x’inhu r-rwol li ġejt fdata bih? X’inhuma l-kwalifiki u l-esperjenza li għandi? Xi ħadd fittex kemm jitħallsu Kapijiet Eżekuttivi oħra ta’ entitajiet governattivi?” 

Saliba ddeskriviet lilha nnifsha bħala “persuna professjonali, retta u perfezzjonista” u żieded tgħid li mhix “opportunista” u qatt ma’ “nxtrat minn ħadd” u “żżomm mal-prinċipji tagħha.” 

Mill-banda l-oħra fil-post tiegħu Karl Schembri qal sabiex Norma Saliba tieqaf tilgħabha tal-vittma u staqsa għala l-ebda sejħa pubblika ma’ saret fil-kariga li preżentement qed tokkupa. Huwa kompla jgħid li l-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici “ħoloq dan l-impjieg” għaliha u kompla jgħid “ma tagħmillek l-ebda ġieħ li ħoloq dan l-impjieg għalik biex ikunu jistgħu jmexxuk mill-PBS, qisu kien xi biżniss tal-familja.”  

Saliba ntgħażlet għall-kariga l-ġdida mill-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici, li qed jiġi akkużat li waqqaf iċ-Ċentru l-ġdid tal-lingwa u għażel lil Saliba mingħajr konsultazzjoni xierqa. 

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti qed isostni li l-ħolqien taċ-Ċentru u l-ħatra ta’ Saliba huma illegali għax il-Ministru naqas milli jikkonsultah kif tiddetta l-liġi. Madankollu, fil-kontrorisposta tiegħu, Bonnici qal li kkonsulta mal-President tal-Kunsill Olvin Vella permezz ta’ diversi messaġġi fuq WhatsApp u telefonati qabel ma ppubblika l-avviż legali. Il-Ministru ta tort lil Vella li naqas milli jirreferi l-kwistjoni lill-membri tiegħu. 

L-espert tal-lingwa Maltija Mark Amaira ppreżenta wkoll protest ġudizzjarju li jikkontesta l-ħatra ta’ Saliba minħabba li ma saret ebda sejħa għall-applikazzjonijiet. 

Saliba nħatret għall-irwol il-ġdid fuq pakkett ta’ paga ta’ €70,000 fis-sena ftit wara li rriżenjat minn kap tal-aħbarijiet fix-xandir nazzjonali TVM, u sostniet li kienet vittma ta’ assassinju tal-karattru. Huwa mifhum li Saliba rriżenjat minħabba li ma qablitx maċ-Chairperson tax-xandir Mark Sammut. 

 

More in Politika