‘Il-Gvern nesiena’ - Is-Sindku tas-Swieqi frustrat bl-istat tal-lokalità u n-nuqqas t’għajnuna

Ir-rabja u l-frustrazzjoni tas-Sindku tas-Swieqi, Noel Muscat kienu evidenti f’kummenti li ta lil din il-gazzetta dwar numru ta’ problemi li din il-lokalità ilha taffaċċja għal numru ta’ snin

“Is-Swieqi minsija. Il-bżonnijiet tal-lokalità ilna nqajjmuhom mal-awtoritajiet għal żmien twil imma waqgħu fuq widnejn torox.” Dan kien il-kumment tas-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat, b’rabta ma’ numru ta’ problemi f’din il-lokalità, li ilhom jakkumulaw tul is-snin, tant li issa, is-sitwazzjoni fuq diversi fatturi gravat. 

Muscat kien qed iwieġeb mistoqsijiet mill-ILLUM dwar il-problema tal-iskart li fl-aħħar ġimgħat ddominat bosta rħula u bliet f’pajjiżna, iżda huwa nnota li s-Swieqi ilha tipprova tqajjem kuxjenza u tappella għall-għajnuna dwar din il-problema għal dawn l-aħħar seba’ snin. 

Fil-fatt, Muscat qasam ma’ din il-gazzetta dokument li kien prepara għal laqgħa li kellu fl-2016 ma’ Edward Zammit Lewis, li dak iż-żmien kien il-Ministru għat-Turiżmu. Fid-dokument, Muscat qajjem numru ta’ punti li fil-fehma tiegħu kienu qed joħolqu problemi fis-Swieqi, liema punti żiedu fir-relevanza tagħhom maż-żmien, tant li dawn il-problemi issa huma mifruxin ma’ numru ta’ lokalitajiet mal-pajjiż. 

Fid-dokument, Muscat innota li l-karatteristiċi tas-Swieqi raw tibdiliet kbar b’mod mgħaġġel. Huwa semma l-fenomenu ta’ vilel u djar li qed jitwaqqgħu sabiex jittellgħu blokok kbar ta’ appartamenti, li mbagħad jinkrew għal żmien qasir. Fl-2016 u anke illum il-ġurnata, Muscat innota li dawn it-tip ta’ kerrejja qed jikkontribwixxu b’mod qawwi għaż-żibel li ma jinħariġx fil-ġurnata jew fil-ħin it-tajjeb. 

Kien għalhekk li l-Kunsill Lokali kien talab l-għajnuna tal-Ministeru għat-Turiżmu fl-2016, hekk kif ġie nnutat li l-Kunsill m’għandu ebda poter sabiex jidentifika s-sidien ta’ dawn ir-residenzi u lanqas jagħmel moniteraġġ fuq min jarmi b’mod ħażin. Il-proposta ta’ Muscat għal dak iż-żmien kienet li l-amministraturi tal-blokok ta’ appartamenti jkunu risponsabbli għar-rimi tal-iskart kif suppost. B’hekk, l-amministraturi jkunu jistgħu jiġu kkuntattjati minnufih. 

Minkejja din il-laqgħa mal-Ministeru li saret seba’ snin ilu, Muscat stqarr li mhux talli dawn il-problemi ma ġewx indirizzati, iżda issa żdiedu. Huwa appella għal azzjoni immedjata f’forma ta’ ċitazzjonijiet effettivi kontra kull min jarmi l-iskart mhux kif suppost. 

‘Lokalit​​à minsija’ 

Noel Muscat stqarr ukoll mal-ILLUM dwar kif l-awtoritajiet donnhom nesew il-bżonnijiet tar-residenti ta’ din il-lokalità. Hawn, huwa għamel referenza għal laqgħa oħra li kellu bħala Sindku, din id-darba mal-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul.  

Hawn Muscat semma’ t-tkabbir mgħaġġel li s-Swieqi rat fl-aħħar snin, b’popolazzjoni ta’ aktar minn 16,000 resident, apparti l-fatt li għaddejjin proġetti ta’ żvilupp kbar li jistgħu ikomplu jżidu din il-popolazzjoni. Kien għalhekk li s-Sindku nnota li din ir-realtà ġġib magħha problemi fosthom nuqqas ta’ parkeġġ u nuqqas ta’ spazji ħodor u miftuħin li jwaqqgħu il-kwalità tal-ħajja tar-residenti. 

Sabiex din il-problema tiġi indirizzata, Muscat propona li l-Gvern, permezz ta’ Project Green, jakkwista art li hija privata fil-qalba tas-Swieqi, sabiex tiġi konvertita fi spazju miftuħ għall-pubbliku u ċentru reġġjonali għall-arti u l-kultura.  

Fil-korrispondenza tiegħu ma’ Ellul, Muscat stqarr li ftit passi l-bogħod minn dan is-sit hemm żewġ proġetti ta’ żvilupp li se jkomplu joħonqu din il-lokalità, bi proġett minnhom ikun blokka ta’ 114 appartament u 300 garaxx, flimkien ma’ ħwienet u uffiċini, u b’hekk dan il-proġett ta’ spazju miftuħ huwa aktar utli minn qatt qabel. 

Minkejja l-appell għall-għajnuna, Muscat stqarr li ma hemm ebda indikazzjoni li dan il-proġett se jsir, u ma ħa ebda risposta mingħand din l-entità ġdida.  

Muscat esprima l-frustrazzjoni tiegħu u tar-residenti tas-Swieqi għal din is-sitwazzjoni inkwetanti, u stqarr li jekk ma tittieħed ebda azzjoni, din il-lokalità se tkun waħda kompletament minsija. 

More in Politika