Abela jħabbar li se jidħlu liġijiet li jirregolaw lil min jimporta ħaddiema barranin

Ħabbar ukoll il-ħolqien ta' żoni ekonomiċi esklussivi barra mill-ibħra territorjali ta' Malta, "minflok nużaw aktar l-art limitata ta' din il-gżira jew il-baħar immedjat.”

Il-Gvern Laburista ħabbar li se jkun qed jimplimenta liġijiet bl-iskop li jkun regolat min jimporta ħaddiema barranin għall-profitt. Dan qalu l-Prim Ministru Robert Abela.

Huwa saħaq li dawn l-emendi legali se “jindirizzaw lil dawk li jridu mudelli li jħallu flus ta’ malajr u s-soċjeta ma tieħu xejn minnu. Il-liġijiet li se ndaħlu se jfissru li dawn la ser ikunu jistgħu joperaw bl-addoċċ, ser jiżdidulhom ir-responsabbiltajiet u mhux ser tkun faċli għalihom li jiksbu din il-liċenzja.” Spjega wkoll li dan se jwasslu għal proċess aktar rigoruż, iebes u serju.

“Mhux se nittolleraw min għalih il-ħaddiema barranin huma sempliċi business, jew biex jiffranka jew biex saħansitra jkun il-ħaddiem innifsu t-tranżazzjoni - jew agħar minn hekk - sabiex ma jagħtix kundizzjonijiet aħjar lill-ħaddiema Maltin,” kompla jtenni Abela.

B’referenza għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin, stqarr li dawn huma “l-aqwa riżorsa li għandu pajjiżna.” Hu kkommetta ruħu li jkompli jinvesti fil-ħaddiem Malti, fejn jingħata l-aqwa għodda, tagħlim u opportunitajiet ta’ re-skilling.

Abela ddiskuta wkoll l-ekonomija, li din għandha tkompli tikber, imma b’mod li tikkunsidra l-effetti ta’ dak li nagħmlu. “Għall-ewwel darba qed inħarsu lejn żoni barra t-territorju Malti biex nużawhom għal attività ekonomika. Xi ħaġa li qed nagħmlu għall-ewwel darba. Qed noħolqu dawk li jissejħu żoni ekonomiċi esklussivi,” qal Robert Abela.

Dan isir billi tintuża parti mill-baħar li huwa barra mill-ibħra territorjali ta’Malta, jiġifieri barra d-dawra ta’ baħar 12-il mil nawtiku mix-xatt. “Dik se nżiduha bħala territorju minn fejn issir attività ekonomika. Attività ekonomika f’dan il-każ, mingħajr ma niżviluppaw l-art tagħna hawnhekk. Hekk inkunu leaders fl-innovazzjoni. U hekk nikbru f’ setturi ġodda,” spjega Abela. “Biex noħolqu enerġija rinovabbli sejrin nużaw l-ibħra lil hinn mit-territorju Malti, minflok nużaw aktar l-art limitata ta' din il-gżira jew il-baħar immedjat.”

Bħalissa quddiem il-Parlament tressqu 39 emenda jibnu fuq dan.

More in Politika