Aġġornata | Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti b'protest ġudizzjarju kontra Owen Bonnici

Il-Kunsill qed jitlob ir-revokazzjoni tal-ħatra ta' Norma Saliba, filwaqt li l-Ministeru għall-Kultura ċaħad li ma kienx hemm konsultazzjoni dwar il-ħatra

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti ħabbar fi stqarrija li ressaq protest ġudizzjarju kontra l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonniċi, li taħtu jaqa’ l-Kunsill, rigward l-Avviż Legali “Ir-Regolamenti li Jwaqqfu ċ-Ċentru tal-Ilsien Malti.” Dan peress li artikolu 24 ta’ Kapitlu 470 tal-liġi Malta, li jagħti poter lill-Ministru sabiex iwaqqaf dan iċ-Ċentru, jirrikjedi li dan jikkonsulta mal-Kunsill, proċess li l-Kunsill qed jallega li ma sarx.

Il-Kunsill saħaq li, “lill-Kunsill ma għarrfuhx formalment b’dak li kien ħejja l-Ministru, fl-ebda ħin ma ppreżentawlu abbozz tal-Avviż Legali biex il-Kunsill ikun jista’ jagħti l-opinjonijiet u l-pariri tiegħu fuq dan l-Avviż. Il-Ministru m’indenjax ruħu jlaqqa’ l-membri tal-Kunsill sabiex ikunu jistgħu jiddiskutu t-twaqqif taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti. It-twaqqif taċ[1]Ċentru ġie ppreżentat bħala fatt kompjut u impożizzjoni unilaterali tal-Ministru.”

Il-Kunsill kompla jtenni li kien biss minn rapporti fil-midja fejn il-Kunsill sar jaf bil-ħatra ta’ Norma Saliba bħala l-ewwel Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru li kien għadu kemm twaqqaf.

Żied ukoll li, “din il-ħatra saret mingħajr ma ħarġet sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet, mingħajr proċess tal-għażla biex jiġu żgurati l-kwalifiki u l-idoneità tal-persuna magħżula u mingħajr konsultazzjoni mal-Kunsill tal-Malti kif teżiġi l-liġi. Lill-Kunsill ma tawh l-ebda opportunità li jkun mgħarraf, jew li jiġi kkonsultat, dwar min kien ser imexxi l-organu amministrattiv, organizzativ u operattiv tiegħu.”

Il-Kunsill fhiehem kif tul l-aħħar ġimgħat, prova jikkonvinċi lill-Ministru jirtira l-Avviż u l-ħatra permezz ta’ kuntatti informali.

Issa, wara li jidher li ma ntlaħaqx ftehim, il-Kunsill ressaq protest fejn qed jiddikkjara li, jekk dawn ma jkunux irtirati, se jipproċedu kontrih fil-Qorti.

Il-protest hu ffirmat mill-Avukata Claire Bonello

Il-Ministeru għall-Kultura jiċħad li ma kienx hemm konsultazzjoni

Aktar tard il-Ħamis, Il-Ministeru għall-Kultura ċaħad l-allegazzjonijiet tal-Kunsill, hekk kif intqal li kien hemm konsultazzjoni bejn is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru, Joyce Dimech, u l-President tal-Kunsill, Olvin Vella.

Fi stqarrija, il-Ministeru saħaq li, "Dawn il-konsultazzjonijiet segwew laqgħa li kienet saret bejn il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Dr Owen Bonnici u Dr Olvin Vella stess nhar it-Tlieta 20 ta’ Ġunju 2023, fejn ġiet diskuss il-ħtieġa ta’ capacity building sabiex isir xogħol meħtieġ immens favur il-ħarsien u t-tmexxija ’l quddiem tal-Ilsien Malti."

Intqal ukoll li tlett ijiem qabel ma ġie ppubblikat l-avviż legali sabiex jistabilixxi din l-entità, dan ġie mgħoddi lil Olvin Vella, u huwa ma talabx sabiex din id-deċiżjoni terġa' tiġi studjata.

Il-Ministeru qal li l-ġurnata ta' wara, persuna inkarigata mill-komunikazzjonijiet tal-Ministeru għaddiet stqarrija lil Vella fejn kien se jiġi mħabbar iċ-Ċentru tal-Ilsien Malti, b'Norma Saliba bħala l-kap tiegħu. Meta Vella ġie mistoqsi jekk l-uffiċċju tal-komunikazzjoni tal-Ministeru jistax imexxi b'din l-istqarrija, Vella wieġeb fil-pożittiv.

Il-Ministeru tenna li wara li ġew ippubblikati l-istqarriji kollha, il-Ministeru ma rċieva ebda komunikazzjoni minn Vella.

More in Politika