Titħabbar li l-24 edizzjoni tal-Konferenza Legali tal-Commonwealth se ssir f'Malta

Din se tittella' f'April tas-sena 2025

Fi stqarrija maħruġa mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ħabbret li Malta se tkun qed tospita l-24 editzzjoni tal-Konferenza Legali tal-Commonwealth, li se ssir f’April tal-2025.

Din l-attività, li tittella’ kull sentejn, hija meqjusa bħala waħda mill-aktar avvenimenti presstiġġjużu fil-kalendarju legali dinji. Imtella’ fuq ħamest ijiem, hi tiġbor numru t’avukati akademiċi u ġudikanti mill-Commonwealth, sabiex isservi bħala pjattaform ta’ diskussjoni rigward kwistjonijiet kontemporanji, mill-lenti legali.

Mr Peter D Maynard KC, il-President tal-Assoċċjazzjoni tal-Avukati tal-Commonwealth (CLA), l-organizzazzjoni li ttella’ din l-attività, tkellem f’isimha. Huwa qal li, “B’ferħ inġibu din il-konferenza lejn Malta, li tingħaqad ma’ postijiet bħaż-Żambja, il-Baħamas u l-Indja, li ospitawha qabel. L-aħħar konferenza, li saret f’Goa f’Marzu tal-2023, attrattat delegati minn 46 jurisdizzjoni tal-Commonwealth, u jien kunfidenti li Malta se tkun destinazzjoni popolari mal-membri tagħna. Ninsab ħerqa sabiex nilqakom kollha għall-konferenza tal-2025.”

Din qed tiġi organizzata ukoll bil-parteċipazzjoni tal-Kunsill tal-Kamra tal-Avukati, għaqda non-governattiva li tirrappreżenta l-avukati kollha ta’ malta.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef qal li, “Malta u Għawdex huma rinomati bħala post għal dawn ix-xorta t’avvenimenti ta’ profil għoli, għalhiex joffru konnettività estensiva mal-bqijja tal-ajruporti Ewropej u aktar, għażla vasta ta’ postijiet kemm moderni u kemm storiċi fejn jittellgħu, kif ukoll kumpaniji li jipprovdu servizzi professjonali.”

Waqt diskors mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, huwa stqarr li, “Ninsabu onorati li nħabbru li l-Gżejjer Maltin se jkunu qed itellgħu dan l-avveniment presstiġġjuż tal-Commonwealth, xhieda tar-rabta li tibqa’ torbot in-nazzjonijiet tagħna flimkien. Din il-konferenza hija opportunità sabiex ikun hemm diskussjonijiet li jagħtu frott, jisssaħħu l-ħbiberiji, kif ukoll li niċċelebraw il-mużajk ta' kulturi li jiddefinixxu l-familja tal-Commonwealth. In-nazzjon tagħna jħares il-quddiem sabiex jilqa’ l-membri l-oħra tal-Commonwealth.”

 

More in Politika