Il-PN b'talba għal investigazzjoni fl-infiq tal-Kummissjoni Maltija tal-Films

In-nefqa globali tqarreb il- €144 miljun tul l-aħħar ħames snin

Il-Partit Nazzjonalista ħabbar li għada filgħodu se jkun qed jagħmel talba formali lill-Awditur Ġenerali sabiex tiġi investigata n-nefqa ta’ kważi €137 miljun mill-fondi pubbliċi mill-Kummissjoni Maltija tal-Films bejn is-17 ta’ Settembru 2018 u 8 ta’ Awwissu 2023. Din tinkludi ħlasijiet lil benefiċċjarji li huma soċjetajiet irreġistrati barra minn xtutna.

Skont figuri ppubblikati mill-Kummisjoni Ewropea dwar l-Għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni Maltija tal-Films ħallset jew daħlet f’obligazzjoni sabiex tħallas ammont globali ta’ kważi €144 miljun, b’madwar €7 miljun biss favur benefiċċjajri lokali.

Skont il-PN, “hemm numru ta’ persuni u soċjetajiet Maltin f’dan is-settur li jiddependu fuq din it-tip ta’ għajnuna minn fondi pubbliċi, kemm biex insaħħu l-kultura Maltija u anke biex intejbu r-riżorsi ħalli jkompli jiżviluppa t-talent lokali. Għalhekk, hu fl-interess pubbliku li nassiguraw li dan it-tip ta’ infieq ta’ fondi pubbliċi mhux qed iċaħħad, jiddiskrimina u/jew iżomm lura b’xi mod meta mqabbel mal-infieq li qed isir biex nakkomodaw soċjetajiet esteri.”

Fost oħrajn, il-PN se jitlob li ssir investigazzjoni dwar il-proċedura ta’ skrutinju fuq dokumentazzjoni li l-Kummissjoni għamlet sabiex jinħarġu dawn il-pagamenti, kif ukoll jekk din kinitx issegwi l-prinċipju ta’ governanza tajba. Barra minn hekk, se jqajjem mistoqsijiet dwar ir-rekwiżiti sabiex jiġu approvati dawn it-tip ta’ pagamenti, kif ukoll jekk sarx studju dwar kif qed ikun qed jibbenifika l-pajjiż minn din in-nefqa.

Il-PN fakkar li, għas-sena 2023, il-Kummissjoni kienet allokata s-somma globali ta’ €14-il miljun għas-sena 2023, ammont ferm iżgħar mill-medja li ntefqet tul dawn l-aħħar ħames snin.

Madankollu, il-PN żied li dan kollu huwa konsistenti ma’ dak li sab l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika f’rapport tal-2020, li qal li l-Kummissjoni qed tkun “estravaganti fl-infiq mill-fondi pubbliċi.”

More in Politika