Bernard Grech mhux milqugħ fil-każin tal-Partit fil-Ħamrun

Partitarju allegatament ferut gravi minn partitarji oħra fl-inċident

F’kitba mtella’ fuq il-grupp ta’ Facebook ‘Partit Nazzjonalista Maqghudin-Grupp PN’, Fatima Mifsud Bonnici allegat li żewġha kien aggredit minn grupp ta’ nies hekk kif prova jidħol fil-każin tal-Partit waqt il-festa ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun, flimkien mal-Kap tal-Partit Bernard Grech.

Il-każ seħħ għall-ħabta ta’ 1 p.m, meta Grech, akkumpanjat minn żewġ il-mara Noel Mifsud Bonnici, għamel attentat sabiex jidħol fil-każin. Madanakollu, il-persuna li attwalment qiegħed imexxi l-każin, li f’dak il-mument kien fl-entratura, irriffjuta li jdaħħlu.

Kien hawnhekk fejn, skont Mifsud Bonnici, żewġha “insista mingħajr ebda forma ta’ vjolenza li l-Kap għandu dritt jidħol.” Skontha, il-persuna li qallu sabiex ma jidħolx qabad joffendih, fejn inġibdet l-attenzjoni ta’ xi rġiel li kienu ġewwa li aggredewh, tefgħuh mal-art u komplew isawwtuh.

Skont li kitbet martu, ir-raġel sofra ġrieħu ma’ ġismu kollu, kif ukoll se jkollu bżonn operazzjoni wara li ċċartulu l-ligaments ta’ rkopptejh.

Sors li kien fuq il-post qal li, peress li ħafna kienu kemmxejn xurbana, is-sitwazzjoni eskalat malajr. Madanakollu, xejjen dak li nkiteb minn One News fejn qalu li l-ġlieda nqalgħet minħabba partitarji leali lejn Delia. L-istess inkiteb minn Mifsud Bonnici.

Sorsi viċin il-Partit qalu li ma kien veru xejn li Grech ma kienx milqugħ fl-istabbiliment, tant li l-inċident seħħ għall-ħabta ta’ 1 p.m, u Grech dam sa 3 p.m. fil-viċinanzi. Però, ritratt imtella’ fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Grech turi li kien qed isegwi l-festa mill-gallarija tal-każin tal-banda ta’ San Ġużepp.

More in Politika