Il-PN ressaq Protest Ġudizzjarju kontra l-PBS u l-Awtorità tax-Xandir

Dan sar bil-għan li 'jieqfu jkunu kompliċi fiċ-ċensura fil-konfront ta' messaġġ li jkun kritiku ta' Robert Abela'

Il-Partit Nazzjonalista permezz tas-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino ressaq Protest Ġudizzjarji fil-Qorti kontra l-PBS u l-Awtorità tax-Xandir, "biex jieqfu jwettqu jew ikunu kompliċi fiċ-ċensura li ilha għaddejja għal snin fil-konfront ta' kwalunkwe messaġġ li jkun kritiku ta' Robert Abela. 

Il-partit qal illi l-PBS naqas milli jirrapporta u juri x-xeni li ġraw fit-12 ta' Lulju 2023, ġewwa u barra l-Parlament, eżatt wara l-vot li kien ittieħed meta l-Membri Parlamentari tal-Partit Laburista ivvotaw kontra li ssir Inkjesta Pubblika b'rabta mal-mewt ta' Jean Paul Sofia. "Il-PBS irrifjuta li jxandar dawn il-filmati." 

Wara lment mill-Partit Nazzjonalista, l-Awtorità tax-Xandir, il-ġimgħa li għaddiet, "iddeċidiet li l-PBS naqas meta ma xandarx dawn il-filmati. Minkejja dan, ma għamlet xejn biex iġġiegħel lill-PBS jaqdi dmiru u jxandarhom, ake wara li qablet mal-PN li l-PBS naqas milli jxandar dawn il-filmati." 

Fid-dawl ta' dan kollu, il-Partit Nazzjonalista qal illi ma fadallux triq oħra ħlief li jressaq Protest Ġudizzjarju biex tkun imwarrba għal kollox iċ-ċensura f'pajjiżna u biex l-Awtorità tax-Xandir u l-PBS jibdewn jimxu b'ħarsien assolut u kontinwu tal-libertà tal-espressjoni għal kulħadd b'mod ugwali. 

Il-Protest Ġudizzjarju kien iffirmat mill-Avukati Paul Borg Olivier u Francis Zammit Dimech.

More in Politika