'Vapuri li swew aktar minn €900,000 ma jistgħux ibaħħru' - PN

Transport Malta twieġeb illi qatt ma saru dawn il-ħlasijiet mill-Awtorità

Minn stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista (PN), intqal li ħames bastimenti ġodda tal-infurzar marittimu li nxtraw għal aktar minn €900,000 kienu ċċertifikati li ma jistgħux ibaħħru. “Dawn intbagħtu lura għal tiswijiet li swew madward madwar €1,200,000 u xorta ma jistgħux jintużaw” żied il-PN. Dan b’referenza għall-bastimenti ‘RHIBs’ ER1 sa ER5.

Żiedu jgħidu li, kawża ta’ dan, 18-il uffiċjal tal-infurzar marittimu spiċċaw jaħdmu b’żewġ bastimenti qodma. Dawn allegatament kienu joperaw mingħajr liċenzja u reġistrazzjoni. Ingħad ukoll li wieħed minn dawn huwa difettuż, u b’hekk qed jintuża vapur wieħed biss għall-infurzar kollu fl-ibħra Maltin.

Il-PN talab sabiex issir investigazzjoni interna indipendenti, iżda s’issa l-ebda persuna ma nżammet responsabbli.

Il-PN qed jitlob ukoll lill-Awditur Ġenerali li qed jinvestiga l-każ jinkludi fir-rapport għalfejn it-tender relatat mal-ħames bastimenti ġodda tħassar darbtejn, u jekk il-bastimenti qattx kienu skont il-kriterja tat-tielet tender, fejn “offerent mixtieq kien approvat.”

Għall-PN, li l-infurzar marittimu qed isir b’bastiment wieħed hu riskju għas-siġurta’, li jista’ jwassal għall-għeluq tal-portijiet f’każ ta’ incident. “L-infurzar marittimu u s-sigurtà fuq il-baħar m’għandux ikun biss eżerċizzju ta’ PR, iżda wieħed attwali.”

B'risposta għal dan, Transport Malta wieġbet illi dawn il-ħlasijiet qatt ma saru, kemm rigward xiri u kemm tiswijiet. Dan iqajjem mistoqsija minn fejn ġew dawn il-bastimenti ladarba ma sarx ħlas għalihom.

Żiedet ukoll li bħalissa qed jintużaw tliet 'RHIBs', u dawn huma kollha liċenzjati u rreġistrati skont il-liġi. Madanakollu,  "Bħalissa tinsab fi stadju li tħares l-interessi kollha taghha biex tieħu dawk l-azzjonijiet legali kollha meħtieġa u sussegwentament, se tipproċedi biex ikollha numru ta’ RHIBs kif kien oriġinarjament maħsub."

Transport Malta naqset milli tiċċara jekk it-tliet 'RHIBs' li qegħdin jintużaw humiex tlieta mill-ġodda li għamlu referenza għalihom il-PN.

More in Politika