Jibda' l-proċess għall-ewwel siti tal-karavans fin-Naxxar u l-Mellieħa

Hekk kif daħlu fis-seħħ bidliet ġodda b’rabta mar-regolamenti imposti fuq min jagħmel użu minn kampers jew karavans, l-ILLUM tista’ tiżvela li bdew ix-xogħolijiet sabiex jiġu allokati siti b’faċilitajiet għal dawn il-vetturi

Beda l-proċess mal-Awtorità tal-Ippjanar biex fil-Mellieħa u n-Naxxar isiru l-ewwel siti ta’ karavans organizzati. B’dik magħrufa bħala Development Notification Order (DNO), iż-żewġ Kunsilli Lokali ta’ dawn il-lokalitajiet qed jaraw li jkollhom sit organizzat fejn is-sidien tal-karavans ikollhom ukoll ċerti faċilitajiet. Mid-DNO, quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar, jirriżulta li l-Kunsilli Lokali ħadmu mal-awtoritajiet ċentrali biex is-siti magħżula jissebbħuhom wkoll minbarra li jżidulhom faċilitajiet ġodda.   

Wara snin ta’ ilmenti minħabba li kulħadd kien jitħalla jagħmel li jrid fil-qasam tal-karavans, din is-sena l-Gvern, b’konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali, ħareġ avviż legali li jirregola l-użu ta’ dawn il-karavans. Dan wassal biex mill-1 ta’ Lulju li għadda, biex persuna tistazzjona karavan f’xi post, bdiet tapplika għall-ħruġ ta’ permess mill-Kunsill Lokali rispettiv bil-ħlas ta’ €5 għal kull ġurnata. Fil-każ ta’ sit organizzat il-ħlas huwa ta’ €10.  

Filwaqt li l-avviż legali ntlaqa’ tajjeb ħafna mill-pubbliku ġenerali u l-Kunsilli Lokali, xi sidien ta’ karavans u campers esprimew tħassib minħabba n-nuqqas ta’ siti organizzati u saħansitra kien hemm protesta minn ftit għexieren ta’ sidien. Issa, l-ILLUM tista’ tiżvela li daħlu dawn l-ewwel żewġ applikazzjonijiet li bejniethom se jkunu jistgħu jieħdu madwar 100 karavan. Fl-istess ħin, il-Kunsilli Lokali qed jibqgħu joħorġu permessi f’siti oħra li mhumiex organizzati, iżda li lesti jaċċettaw li fihom jitpoġġew il-karavans, u dan bi ħlas ta’ €5.  

Fix-xhur li ġejjin ladarba x-xogħol fuq dawn l-applikazzjonijiet ikun lest, fis-siti organizzati karavans jew campers se jinżammu bi ħlas ta’ €10 għal kull jum ta’ parkeġġ sa massimu ta’ sebat ijiem, fejn wieħed eventwalment jkun jista’ jgawdi wkoll minn servizzi.  L-ILLUM hi infurmata li hemm siti oħra li fuqhom se jsiru applikazzjonijiet fiż-żmien li ġej. 

More in Politika