287 kontravenzjoni f’erba’ lokalitajiet b’rabta ma’ skart mhux mormi kif suppost

Hekk kif Malta għaddejja minn tibdiliet sabiex ir-rimi tal-iskart isir kif suppost u b’hekk ikun aktar sostenibbli, entitajiet bħall-ERA u l-LESA qed ikomplu għaddejjin bl-infurzar u l-ispezzjonijiet tagħhom, biex kull min jinqabad jarmi mhux kif suppost jiġi mwissi jew ikkastigat. Jidher li dan qed isarraf f’riżultati pożittivi hekk kif qed jiżdied l-ammont ta’ skart mormi kif suppost

Mill-bidu ta’ din is-sena ngħataw minn tal-inqas 287 kontravenzjoni f’Wied il-Għajn, iż-Żejtun, Ħal Għaxaq u Marsaxlokk marbuta ma’ rimi mhux kif suppost ta’ skart mill-ERA u mil-LESA, skont informazzjoni li tpoġġiet fuq il-mejda tal-kamra tal-Parlament fl-aħħar jiem.

Dan ħareġ minn mistoqsija li għamel id-deputat Laburista Ray Abela lill-MInistru għall-Ambjent Miriam Dalli, u l-Ministru għas-Sigurtà u l-Intern, Byron Camilleri.

Hawn ġie nnutat li minn Jannar sa Mejju ta’ din is-sena, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħarġet 58 multa minħabba l-iskart, b’50 minnhom kienu relatati ma’ ksur tal-liġi marbuta mal-iskeda u l-ħin tal-kollezzjoni tal-iskart. Apparti minn hekk l-awtoritá ħarġet ukoll mat-304 twissija lil nies oħra li kisru l-istess liġi, hekk kif ħarġu l-boroż tal-iskart f’ħin ħazin jew ma ħarġux il-borża li kellha tinħareġ f’dik il-ġurnata.

Ġie spjegat li l-multi f’dan ir-rigward ivarjaw bejn €150 u €6,000 u fil-lokalitajiet ta’ Wied il-Għajn, iż-Żejtun, Ħal Għaxaq u Marsaxlokk inħarġu 10 twissijiet u multa ta’ €450.

Min-naħa l-oħra, il-LESA ħarġet mal-229 kontravenzjoni marbuta ma’ rimi ta’ skart mhux kif suppost fl-istess lokalitajiet. Apparti l-iskart li ma jinħariġx fil-ġurnata u l-ħin kif suppost, il-LESA tat numru ta’ kontravenzjonijiet għal rimi ta’ skart b’mod abbużiv madwar il-Bring in Sites u rimi ta’ skart b’mod abbużiv b’mod ġenerali ieħor. Hawn, il-kontravenzjonijiet iġibu magħhom piena ta’ €150 li titla’ għal €450 jekk il-każijiet jirrepetu ruħhom.

Dan l-infurzar huwa marbut ma’ numru ta’ bidliet li seħħew fi żmien riċenti b’rabta mal-immaniġjar tal-iskart. L-inizjattivi qed jittieħdu fid-dawl li għal snin twal mindu Malta saret membru tal-Unjoni Ewropea, kellha reputazzjoni ħażina f’dak li għandu x’jaqsam mal-iskart, hekk kif kienet issib ruħha fl-aħħar tal-klassifiċi marbuta mal-iskart.

Fost il-miżuri li ddaħlu fis-seħħ, mill-14 ta’ April li għadda is-separazzjoni tal-iskart beda jiġi infurzat bil-liġi, iżda għaddejja wkoll kampanja edukattiva, sabiex minn Ottubru li ġej ikunu jistgħu jinħarġu aktar multi għal min ma jarmix skont il-liġi. Dan jgħodd kemm għal residenzi, iżda anke għan-negozji, għaqdiet u anke aġenziji tal-Gvern, biex b’hekk is-separazzjoni tal-iskart sar wieħed mandatorju għal kulħadd.

Bħalissa, kull min ma jarmix l-iskart kif suppost qed jaqla twissija, iżda wara Ottubru, wieħed se jingħata multa ta’ €25 għal residenzi u €75 għal negozji jekk ma jarmix kif suppost, liema pieni jirduppjaw jekk l-istess individwi u negozji jkomplu jarmu l-iskart mhux kif suppost. Apparti minn hekk, wieħed xorta jista’ jarmi l-iskart riċiklabbli permezz ta’ ‘bring-in sites’ u jista’ jintrema’ wkoll skart ieħor permezz ta’ servizzi li jieħdu l-iskart minn quddiem il-bieb tad-djar.

Hekk kif xehdet l-informazzjoni fil-Parlament, l-infurzar tar-rimi separat tal-iskart huwa f’idejn numru ta’ entitajiet tal-Gvern li bdew jagħmlu diversi spezzjonijiet f’kull lokalità. 

Dan il-progress li qed isir, u li għandu jkompli jsir permezz tal-infurzar, ġie nnutat mill-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, Virginijus Sinkevičius, li għamel żjara f’pajjiżna fl-aħħar jiem. Hawn ġie nnutat li l-WasteServ diġà leħqet rekords ġodda b’rabta ma’ rimi kif suppost ta’ ċertu skart. Fosthom, ġie nnutat li kien hemm żieda ta’ 25% fl-iskart organiku mormi kif suppost, li saħansitra jżid il-kapaċità li tiġi prodotta enerġija rinovabbli miż-żibel. 

Apparti minn hekk il-WasteServ ra żieda ta’ 72% fl-injam mormi kif suppost u żieda straordinarja ta’ 600% ta’ saqqijiet. Fil-fatt, il-WasteServ għaddejja b’investimenti f’faċilitajiet biex ittejjeb l-operat tagħha u tara li r-rimi tal-iskart f’pajjiżna jkun wieħed ferm aktar sostenibbli u ħabib tal-ambjent milli kien għal snin twal.

More in Politika