Il-Partit Nazzjonalista jsejjaħ protesta quddiem il-Parlament għall-Erbgħa filgħaxija

Ilbieraħ fil-Parlament, l-Oppożizzjoni attakkat b'mod aħrax l-aġir tal-Gvern u n-nuqqas t'azzjoni matul is-snin b'rabta ma' dak li ħareġ fir-Rapport tal-Awditur Ġenerali

Il-Partit Nazzjonalista sejjaħ protesta oħra għall-nhar l-Erbgħa filgħaxija quddiem il-Parlament b’rabta dak li nħareġ aktar kmieni din il-ġimgħa fir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-iskandlu ta’ Vitals.

Fuq Facebook, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista qed isejjaħ lill-pubbliku biex tikkundanna l-amministrazzjoni Laburista wara dak li nħareġ fit-tielet rapport tal-Awditur Ġenerali.

It-Tlieta fil-Parlament, l-Oppożizzjoni użat il-ħin tagħha biex titkellem dwar il-ftehim bejn il-Gvern u Vitals minflok dak li kien hemm fuq l-aġenda tal-Parlament.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja, Karol Aquilina qal li l-aħħar rapport tal-Awditur Ġenerali jikkonferma li l-Partit Laburista ffroda lill-pajjiż, u huwa l-akbar frodist. Huwa żied li r-rapport jikkonferma wkoll li l-frodi sar minn Joseph Muscat u Robert Abela bil-kompliċità tal-Membri Parlamentari Laburisti li appoġġjaw dak li sejjaħ bħala l-akbar skandlu fl-istorja ta’ Malta.

Fid-diskors tiegħu, Aquilina tkellem dwar siltiet mir-rapport, li jgħidu kif fost l-oħrajn, il-Gvern ħallas lil Steward €49 miljun fl-2020, meta l-istess kumpanija kellha profitt ta’ sitt miljun ewro fl-istess sena, kif ukoll li l-Gvern ħallas lil Steward mal-€268 miljun bejn l-2016 u 2021 fi ħlasijiet li ma jinkludux pagi.

Fil-Parlament tkellem ukoll id-deputat, Darren Carabott fejn akkuża lill-Gvern b’nuqqas ta’ azzjoni deliberata fil-konfront tal-ftehim. Spjega kif fl-2016 il-Union Ħaddiema Magħqudin appellaw għal investigazzjoni tal-kuntratt fil-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, fl-2018 l-Oppożizzjoni kitbet lill-Awditur Ġenerali, u fl-2020 Adrian Delia fetaħ il-kawża tiegħu fil-Qorti, u anke wara li nħarġu r-rapporti mill-Awditur Ġenerali, il-Gvern baqa’ m’għamel xejn.

Carabott stqarr li l-Gvern xirta għadu fiċ-ċans li jagħmel dak li hu ġust, iżda huwa kompromess hekk kif irid jipproteġi lil Joseph Muscat.

Min-naħa tiegħu, Bernard Grech akkuża lil Joseph Muscat u Robert Abela li użaw l-influwenza tagħhom biex igerfxu l-proċess tal-ġustizzja. Grech qal li l-Gvern uża fondi pubbliċi biex jippreveni l-Qorti milli tasal għall-konklużjoni tagħha.

More in Politika