Il-Partit Laburista ma jikkundannax l-aġir ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi

L-aħħar rapport tal-Awditur Ġenerali ddeskriva attitudni mhux normali li wasslet biex il-Kabinett ta' dak iż-żmien ġie żgwidat

Il-Partit Laburista ċaħad milli jikkundanna l-aġir ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi b’rabta ma’ dak li ġie ppubblikat mill-Awditur Ġenerali dwar l-iskandlu ta’ Vitals.

Fi tweġiba lill-midja waqt konferenza tal-aħbarjiet, il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Mizzi saħaq li l-poplu Malti għandu jiġġudika lill-Partit Laburista dwar kif aġixxa dwar il-kwistjoni ta’ Vitals mill-2020 ‘il quddiem, mindu Robert Abela leħaq Prim Ministru.

Dan jum wara li ġie ppubblikat rapport mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali li jgħid kif Konrad Mizzi kien żgwida lill-Kabinett waqt in-negozjati tal-konċessjoni tal-isptarijiet. Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali saħansitra ddeskriva dan l-aġir bħala wieħed simboliku ta’ dawk li rrappreżentaw lill-Gvern f’dawn in-negozjati.

Fit-tweġiba lill-ġurnalisti dwar il-kundanna fuq Konrad Mizzi, Attard dar mal-lewża, u qal li għandha tiġi rikonoxxuta l-ħidma ta’ Robert Abela mindu leħaq Prim Ministru. Stqarr li l-aqwa messaġġ li wieħed jista’ jagħti huwa li l-Gvern qiegħed jagħti s-soluzzjoni. 

It-Tnejn filgħaxija fil-Parlament, il-Whip tal-Gvern, Andy Ellul talab sabiex il-Parlament jissospendi l-agenda ta’ dakinhar biex b’mod urġenti jiġi diskuss dan ir-rapport, li kien ħareġ ftit tal-ħin qabel, liema rapport fih aktar minn 400 paġna. 

Meta mistoqsi dwar din it-talba, Ellul stqarr li r-rapport ma kienx fih fatti relattivament ġodda, u li l-fatti kienu ilhom magħrufa minn qabel il-pubblikazzjoni tar-rapport.

Fir-rapport, Konrad Mizzi huwa akkużat ukoll li qarraq bil-kabinett rigward qbil bejn il-Gvern u Steward li jfisser li l-Gvern ikollu jħallas €100 miljun jekk il-kuntratt ta’ Steward qatt xi darba jiġi annullat mill-Qorti, kif fil-fatt ġara aktar kmieni din is-sena.

Fl-aħħar rapport tal-Awditur Ġenerali, ġiet innutata fost l-oħrajn l-attitudni mhux normali tal-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi għad-detriment tal-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne.

Ir-rapport jiddokumenta wkoll l-inabbiltá ta’ Steward biex twettaq dak li ġie mwiegħed fil-ftehim mal-Gvern. Ġie nnutat kif minkejja li Steward lestiet il-proġett tal-Iskola Medika ta’ Barts, u proġetti oħra li għadhom ma tlestewx, ma rnexxiliex tagħmel il-maġġoranza tal-proġetti li ġiet imħallsa tagħmel.

More in Politika