Il-warrants tal-Avukati: Jonathan Attard jappella biex l-istudenti ma jkunux obbligati jagħtu informazzjoni sensittiva

F’ittra lill-President ta’ Malta, Attard jgħid li l-Gvern jista’ jikkunsidra li jbiddel il-liġi biex tiġi indirizzata l-inġustizzja mal-105 persuna li għaddew mill-warrant iżda ma jistgħux jipprattikaw il-liġi

L-studenti tal-liġi li għaddew mill-ezami tal-warrant tagħhom għadhom mingħajr ċertifikat tal-warrant u b’hekk ma jistgħux jipprattikaw il-liġi, minħabba li hemm diżgwid dwar rekwiżiti ġodda għall-avukati li jkunu ħa jpoġġu għall-eżami tal-warrant. 

Dan beda meta fl-2021 il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja ħarġet kriterji ġodda li kull min japplika għall-eżami tal-warrant għandu jimla’ sabiex jiżvelaw informazzjoni dwarhom infushom, liema kriterji qanqlu dubji kbar, hekk kif huma meqjusa invażivi. 

Fost l-oħrajn, l-applikanti qed jintalbu jgħidu jekk humiex involuti f’każijiet fil-Qorti, li jinkludu divorzji u kawżi relatati mal-Qorti tal-Familja. Apparti minn hekk, l-istudenti tal-liġi huma mitluba wkoll jgħidu jekk għandhomx xi forma ta’ diżabilità, jekk qatt kellhomx problemi marbuta ma’ vizzju tax-xorb fl-aħħar deċċenju u anke fejn kienu jmorru skola primarja u sekondarja, fost oħrajn.

Minkejja li dawn ir-rekwiżiti ġew introdotti fl-2021, għadhom ma ġewx approvati mill-Ministru għall-Ġustizzja, hekk kif hemm diżgwid dwar x’informazzjoni għandha tintalab mill-avukati prospettivi, u l-Ministru Jonathan Attard jinsab imħasseb li dawn il-mistoqsijiet jiksru d-drittijiet tal-privatezza tal-individwu.

B’rabta ma’ dan, il-Ministru għall-Ġustizzja bagħat ittra lill-President ta’ Malta George Vella, fejn stqarr li l-informazzjoni mitluba mill-applikanti hija eċċessiva u invażiva. Attard qal li terzi persuni qalulu li ma jistgħux jgħaddu mill-warrant minħabba dewmien li huwa risponsabbli għalih Attard stess. 

Il-Ministru spjega li f’laqgħa li kellu mal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Marzu li għadda, huwa esprima t-tħassib tiegħu dwar dawn ir-rekwiżiti ġodda, fejn spjega lill-Kummissjoni x’inhuma r-riskji tar-rekwiżiti sabiex dan l-iżblokk jiġi indirizzat, u mal-105 student tal-liġi jkunu jistgħu jingħataw il-warrant sabiex jipprattikaw il-liġi.

Attard kiteb lill-President kif, “Il-Ministeru jibqa’ tal-fehma li l-informazzjoni li l-Kumitat għall-Avukati u Prokuraturi Legali jrid jitlob lil dawk il-kandidati li jkunu applikaw għal warrant hija eċċessiva u ma tirrispettax id-dinjità tal-individwu u tal-privatezza tiegħu, b’tali mod li se tħalli anke effett li jiskoraġixxi persuni milli jersqu għall-professjoni legali.”

Jonathan Attard, filwaqt li tenna l-impenn tal-Ministeru tiegħu sabiex itejjeb l-istandards marbuta mal-professjoni legali, ma jista’ qatt jaqbel li sabiex wieħed jirċievi l-warrant, irid jiżvela informazzjoni sensittiva bħal m’hi dik marbuta ma’ diżabilità u saħħa mentali, kif ukoll il-mistoqsija “inspjegabbli” ta’ fejn applikant kien jattendi skola primarja.

Fl-ittra tiegħu, Attard appella sabiex dan l-iżblokk jiġi indirizzat mill-aktar fis possobbli qabel ma’ l-Gvern ikollu jikkunsidra “intervent leġiżlattiv biex issir ġustizzja mal-105 persuna li diġà ġew eżaminati, approvati li għandhom il-kwalifiki u huma kompetenti biex jeżerċitaw il-professjoni ta’ Avukati u Prokuraturi legali fil-Qrati ta’ Malta.”

More in Politika