Min laħaq President, min baqa' l-art, min ġera b'kulħadd, min spiċċa Kordin u r-raġel Papabbli! Il-fortuni tal-2022...

Sena memorabbli skont kif laqtitek! Għal uħud pożittiva mmens u għal oħrajn ferm inqas... L-ILLUM tagħti ħarsa lejn il-karattri li taw il-kulur lill-2022

Roberta Metsola - Għal Metsola l-2022 kienet sena impekkabbli hekk kif propju fil-bidu tagħha hija kienet eletta President tal-Parlament Ewropew, l-ogħla kariga li qatt kisbet persuna Maltija f'din l-istituzzjoni. Hija kienet eletta b'xejn inqas minn 74% tal-voti, wara li kellha l-appoġġ tal-Partit Popolari Ewropew (il-partit li tinsab fih), tas-Soċjalisti u tar-Renew - It-tliet l-akbar formazzjonijiet politiċi fil-Parlament.  

L-istatura tagħha kibret hekk kif hi mexxiet din l-istituzzjoni tul il-bidu u l-kontinwazzjoni tal-gwerra fl-Ukrajna bil-Parlament jieħu pożizzjoni iebsa kontra Putin. Mexxiet lill-Parlament quddiem l-isfida tal-prezzijiet dejjem jogħlew tal-ikel u l-elettriku, realtajiet kurrenti.  

Hija ffaċċjat ukoll sitwazzjoni xi ftit jew wisq delikata hekk kif il-Viċi President Eva Kaili kienet arrestata fuq akkużi serji ta' tixħim, fost oħrajn. Kienet qed tiffaċċja wkoll akkużi ta' nepotiżmu b'rabta mal-kariga ta' Matthew Tabone, ħuha tar-rispett, bħala Kap tal-Kabinett - liema akkużi difnet meta ma ħatritux. 

Sa issa, iżda, jidher li l-ġudizzju tal-midja ewropea u tal-Parlament innifsu tat-tmexxija ta' Metsola huwa wieħed pjuttost pożittiv.  

Andrè Callus - Il-Moviment Graffitti kompla jkun fuq quddiem u l-aktar leħen b'saħħtu kontra l-iżvilupp bla rażan u l-qerda tal-ambjent. Fosthom il-Moviment kien il-leħen tal-poplu ta' Birżebbuġa darbtejn, darba kontra airstrip minjatura u darba oħra kontra l-irwejjaħ li qed jingħad li ġejjin mill-fabbrika tat-tonn f'Ħal Far.  

Pero' l-aktar ġlieda ta' Graffitti li qajmet interess u waslet għal appoġġ kienet l-azzjoni fil-Blue Lagoon biex din il-bajja ma tibqax fgata kollha kemm hi mill-umbrellel u l-gabbani, li prattikament bidlu din il-ġawhra f'lido privat! Il-poplu wera' li fuq din qiegħed kompletament ma' Graffitti.  

L-aħwa Degiorgio - George u Alfred Degorgio ilhom ma jkollhom sena tajba, minn wara li nqabdu fit-Tinda tal-Patata u ġew akkużati li esegwew il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.  

Iżda l-2022 kienet partikolarment ħażina hekk kif mal-ewwel jum tal-ġuri kontrihom u kontra kull aspetattiva, huma ammettew il-ħtija. Kienu mumenti drammatiċi fil-Qorti u l-Kmamar tal-Aħbarijiet hekk kif l-aħwa reġgħu daħlu fil-Qorti u fil-ġenn, wara li inqrat is-sentenza,  George Degiorgio dar fuq il-familja tal-ġurnalista u qallhom hekk: “Irridu niskużaw ruħna magħkom għal li għamilna. Però issa se tkunu tafu kull min kien involut, kull min kellu x’jaqsam, either way." 

L-aħwa ingħataw sentenza ta' 40 sena priġunerija u €42,930 f'multa kull wieħed. 

Dun Luke Seguna - Kappillan maħbub f'Marsaxlokk u persuna affabbli. Qassis b'dehra aktar moderna u għal ħafna nifs ġdid għall-Kleru. Iżda l-2022 għal Dun Luke Seguna kienet waħda ħażina ħafna hekk kif kien ġie akkużat quddiem il-Qorti fuq li ffroda 150 persuna għall-valur ta' nofs miljun ewro. Huwa kien immedjatament imneħħi minn Kapillan, mill-Arċidjoċesi.  

Matul il-kumpilazzjoni ħarġu dettalji dwar muturi li kien xtara u nefqa kbira fuq pornografija, li kompliet timbarazza li dan il-qassis.  

Minkejja kollox, ix-Xlukkarji ħarġu għonqhom bil-kbir għal Dun Seguna u għall-ġid li qalu illi wettaq fil-parroċċa.  

Jonathan Attard - Jonathan Attard, eks ġurnalist u eks uffiċjal tal-PR fil-Ministeru Chris Cardona, mhux biss ġie elett f'din l-ewwel elezzjoni tiegħu imma ingħata wieħed mill-aktar Ministeri kruċjali, importanti u kontroversjali: Dak tal-Ġustizzja.  

Fl-aħħar xhur Attard mexxa bidliet importanti u anke kontroversjali, primarjament l-Emendi li jagħmlu l-femiċidju reat għalih, liġijiet dwar il-protezzjoni tal-Midja li reġgħu lura fuq il-Mejda wara kritika li ma saritx diskussjoni u l-emenda kontroversjali dwar tqala li tipperikola ħajjet jew saħħet l-omm.  

Edward Zammit Lewis - Għall-eks Ministru din ma kinitx l-aqwa sena fil-karriera politika tiegħu hekk kif minn Ministru tal-Ġustizzja, spiċċa Backbencher. Wieħed jifhem li d-deċiżjoni tal-Prim Ministru kienet ibbażata fuq stejjer li jitrattaw chats li kellu ma' Yorgen Fenech u l-famuż kumment tal-"Ġaħan."  

Minkejja dan iżda Zammit Lewis qatt ma kien akkużat b'korruzzjoni jew akkużi oħrajn relatati, filwaqt li għadu parteċipi ħafna fil-Parlament u anke permezz ta' artikli fuq il-gazzetti - ħafna minnhom dwar politika barranija. Wieħed allura jistenna li forsi l-2023 tkun xi ftit aħjar għall-eks Ministru Karkariż u l-prospetti tiegħu, f'Malta jew barra.   

Monsinjur Mario Grech - Dak li kien l-Isqof ta' Għawdex laħaq sew fil-Vatikan. Iżda din is-sena ingħata imbuttatura qawwija. Grech, li huwa s-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, inħatar ukoll membru tal-Kongregazzjoni għall-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti. 

Iżda iktar minn hekk, din is-sena wkoll analiżi minn The Times of London sostniet li l-Kardinal Grech, meqjus bħala konservattiv, kapaċi jġib voti anke minn dawk il-Kardinali li huma aktar progressivi u dan għax Grech huwa viċin ħafna tal-Papa Franġisku u t-tagħlim tiegħu. 

Jason Azzopardi - Għal Jason Azzopardi din kienet sena mill-aktar diżappuntanti, hekk kif mhux biss spiċċa barra mill-PN (għalkemm jisħaq li hija l-għażla tiegħu), talli spiċċa ma kienx elett, la fir-Raba' u lanqas fid-Disa' Distrett.  

Għal dan il-politiku daqstant voċiferu kien diżappunt enormi li ma kienx elett, lanqas mill-Elezzjoni Każwali.  

Azzopardi bħalissa jinsab f'prattikament gwerra bierda ma' Bernard Grech u qal li kemm idum imexxi l-Kap kurrenti ma jerġax jidħol fil-PN. 

Volodomyrr Zelenskyy - Din kienet is-sena tal-Ukrajna. Pajjiż li ħafna nies ftit li xejn kienu jafu dwaru. Inqas u inqas kienu jafu b'Zelenskyy.  

Hekk kif id-dinja tal-Punent daret kontra Vladimir Putin wara l-attakk fuq l-Ukrajna, l-immaġini ta' Zelenskyy splodiet b'diskorsi li ta f'Parlamenti diversi, inkluż ta' Malta, u saħansitra l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Espressjoni.  

Emma Muscat - kantanta tajba, b'immaġini tajba ħafna. Ħasra daħlet għall-Eurovision, f'Kompetizzjoni ta' mużika lokali mill-aktar fqir u dak ewropew mill-aktar tajjeb.  

Id-diska ta' Muscat 'I am what I am' intesiet qabel bdiet tikkompeti. U lokalment, biex inkunu għidna kollox, lanqas kien hawn xi sforz kbir biex id-diska ssir aktar popolari.  

Ir-riżultat? Ma għaddejniex għall-Finali tal-Eurovision!  

Joseph Muscat - Maħbub u mibgħud bl-istess intensità.  

Din is-sena kienet ħażina u tajba għal Muscat.  

Kienet ħażina għax bdiet bit-tfittxija fid-dar tiegħu. Tfittxija marbuta ma' kummissjonijiet li ħa mingħand Accutor, kumpanija li ingħatat xogħol minn Steward Healthcare. L-implikazzjoni sottili - dejjem miċħuda minnu - kienet illi kien hemm xi arranġament biex jieħu dawn il-flus mill-konsulenzi meta hu kien għadu Prim Ministru.  

Minkejja t-tfittxija ordnata mill-Maġistrat Inkwirenti, l-ebda passi kontra Muscat għadhom ma ttieħdu. Dan ma jfissirx li l-investigazzjonijiet ma baqgħux għaddejjin hekk ukoll kif l-inkjesta maġisterjali dwar il-kuntratt tal-VGH għadha mhux konkluża.  

Minn naħa l-oħra, Muscat iżda kompla s-sena billi kien maħtur Chairman tal-Malta Professional Football Clubs Association (MPFCA). Seba' Clubs ivvotaw favur erbgħa kontra u tlieta astjenw.  

Anġlu Farrugia - Għal Anġlu Farrugia din kienet is-sena li fiha huwa reġa' kien ikkonfermat Speaker - anke jekk ftit qabel l-elezzjoni l-Oppożizzjoni weriet nuqqas ta' fiduċja fih.  

Farrugia kien maħtur Speaker għat-tielet darba, biex huwa l-aktar persuna li okkupat din il-kariga minn kemm ilu jeżisti l-Parlament.  

Victoria Buttigieg - Għall-Avukat Ġenerali wkoll ma tantx kienet xi sena tajba wisq hekk kif spiċċat f'nofs żewġ kontroversji, li apparti l-kritika qawwija tefgħuha wkoll taħt dell tra' dubju. 

L-ewwel "żball" ta' Buttigieg kien dak li jitratta akkużi ta' tixħim mill-avukati ta' Yorgen Fenech fil-konfront tal-eks ġurnalist ta' The Times Ivan Martin.  

Fis-sentenza tagħha, nhar is-27 ta' Ġunju 2022, il-Maġistrat Natasha Galea L-Avukati ta' Yorgen Fenech inħelsu minn kull akkuża b'rabta mal-każ li fih kienu qed ikunu akkużati li pprovaw ixaħħmu lill-ġurnalist. 

Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras spjegat kif l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali naqas meta ġie biex jiddefinixxi b'mod ċar l-akkuża ta' tixħim. 

Skont il-ġurnalist Ivan Martin wara laqgħa mat-tim legali ta' Yorgen Fenech, li saret f'Novembru 2020, l-Avukat Gianluca Caruana Curran tah pakkett bi flus kontanti tal-€500. L-Avukat stess kien ammetta li għadda dawn il-flus imma kien qal li għamel dan għax ħaseb li hija prassi normali ġaladarba talbu l-għajnuna tal-ġurnalist. Sciberras spjegat kif l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali naqas meta ġie biex jiddefinixxi b'mod ċar l-akkuża ta' tixħim. 

Fi kliem sempliċi, il-Maġistrat spjegat kif minkejja li ż-żewġ Avukati, Caruana Curran u anke Charles Mercieca kienu ġew akkużati b'tixħim attiv, aktar tard fil-proċedura, l-Avukat Ġenerali kkwota parti oħra mill-Kodiċi Kriminali dwar tixħim passiv, li f'dan il-każ ma jirriżultax. 

Dan ifisser li minkejja li l-Avukati tressqu l-Qorti akkużati b'akkuża partikolari, aktar tard fil-proċedura, l-Avukat Ġenerali spiċċat kkwotat artiklu ieħor tal-liġi li biddel l-akkuża oriġinali.  

Biex tgħaxxaq, u għad-detriment tal-Avukat Ġenerali, l-2022 kienet ukoll is-sena illi matulha sar patteġġjament mat-Topo biex dan jikxef aktar informazzjoni dwar is-serqa tal-HSBC 10 snin ilu. Imma mbagħad irrifjuta li jikxef, anke jekk eventwalment weħel sitt xhur ħabs.  

Sigmund Mifsud - Sigmund kien persuna magħrufa għall-kapaċitajiet tiegħu bħala Direttur tal-Orkestra, wiċċ familjari ħafna ma' dawk li kienu jmorru r-Rockestra.  

Wiċċ tal-politika moderata.  

Iżda l-2022 ma kellhiex tkun daqstant kumplimentuża hekk kif Mifsud spiċċa arrestat u qed jiffaċċja tliet akkużi, li jitrattaw kemm vjolenza morali jew psikoloġika kif ukoll li prova jwaqqaf persuna milli tixhed, primarjament fuq każ ta' allegat abbuż sesswali.  

Huwa kien akkużat ukoll - fuq kollox - illi lill-vittma prova jwaqqafha milli tagħti xhieda jew informazzjoni f'każ ta' allegat abbuż sesswali.  

Il-vittma in kwistjoni kienet allegatament iffastidjata sesswalment, b'uffiċjal tal-istess Orkestra Nazzjonali b'mod persistenti jipprova jinvadi l-ispazju personali tal-mara u jmissha b'mod li mhux propizju, minkejja r-reżistenza u l-oġġezzjonijiet tagħha.  

Alex Borg - Mudell f'numru ta' wirjiet tal-moda, wiċċ kompletament ġdid fil-politika u immaġini ta' żagħżugħ li tarah f'xi okkażjoni ta' divertiment. Żgur mhux l-isterjotip ta' politiku.  

Minkejja dan, Alex Borg għamel suċċess enormi fl-ewwel elezzjoni li kkontesta u mhux biss mar tajjeb imma kien l-aktar kandidat Nazzjonalista wara Bernard Grech li kiseb voti.  

Fil-fatt Borg kiseb xejn inqas minn 6,108 voti minn Distrett wieħed biss, li jagħmlu l-aktar kandidat nazzjonalista popolari, apparti l-Kap tal-PN.  

Matul is-sena deher li għadu qed isib saqajh u espressament irrifjuta li jkun Viċi Kap. Imma min jaf l-2023 x'se tfisser għal dan id-Deputat Għawdxi?  

Vladimir Putin - Mix-xena internazzjonali (u anke lokali sa ċerta punt) ħadd ma sar għadu numru wieħed tal-Ewropa, l-Istati Uniti u l-Punent in ġenerali daqs il-mexxej ta' wieħed mill-aktar pajjiżi li l-punent dejjem baqa' jħares lejh b'għajn ta' xettiċiżmu, ir-Russja,  

Putin beda gwerra u pprova jaħtaf  - kif ilu jipprova jagħmel  - pajjiż sovran. Imma ma tantx sab ħafna appoġġ, apparti mid-dittaturi ħbieb tiegħu tas-soltu - bħall-Iran u s-Sirja! 

Fl-2022 Putin kellu jiffaċċja sanzjonijiet iebsa - kemm politiċi u anke ekonomiċi - mill-Ewropa, protesti lokalment, kundanni minn ħafna mid-dinja, silenzju minn alleati tradizzjonali tar-Russja u telf ta' art li kien ħataf.  

Għalkemm id-dinja ma għandhiex tissottovaluta lil dan id-dittatur, wieħed jista' jgħid illi l-2022 kixfet lil Putin għal dak li verament hu: Despotiku, tirann u għadu tal-libertajiet ċivili.  

Rebecca Buttigieg - Minkejja li kien hemm ħafna nisa li spiċċaw fil-Parlament u anke mara oħra - Alicia Bugeja Said - li hija wkoll Segretarju Parlamentari, Buttigieg ingħatat l-inkarigu ta' Segretarju Parlamentari tar-Riformi u l-Ugwaljanza u kienet il-wiċċ ta' diversi bidliet fl-aħħar xhur, li kienu pjuttost kontroversjali. Primarjament dik tal-Kannabis u l-emenda dwar tqala li tkun ta' periklu għal ħajjet jew saħħet l-omm.  

Meta wieħed jikkunsidra li sa Jannar l-isem Rebecca Buttigieg ma tantx kien magħruf u issa qed tiddibatti u tmexxi 'l quddiem l-aktar kontroversji jaħarqu, definittivament allura l-2022 kienet sena tajba għaliha. 

Devis Mangia - Għall-eks Kowċ tat-Tim Nazzjonali Devis Mangia din kienet sena mill-agħar hekk kif irriżenja mill-kariga tiegħu fi ħdan l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Futbol (MFA). Din ir-riżenja, milqugħa mill-bord tal-MFA, ġiet ippreżentata sitt ġimgħat mis-sospensjoni tiegħu wara allegazzjonijiet ta' fastidju sesswali ta' żewġ plejers.   

Din mhix l-ewwel darba li Mangia kien akkużat b'fastidju sesswali. Alexandra Popa, omm il-plejer tal-futbol Răzvan saħqet li Mangia ta' fastidju lil binha meta kien kowċ fl-Università Craiova 

Logħba snakes and ladders. Min tela'? Min niżel?
Logħba snakes and ladders. Min tela'? Min niżel?

More in Politika