Il-PN itenni li d-Deputati tiegħu llum se jivvotaw kollha kontra l-abort

Illum il-Parlament se jivvota biex l-Abbozz tal-Gvern, biex l-abort ikun legali f'każ li l-ħajja jew is-saħħa tal-mara tkun f'riskju gravi, jgħaddi għall-aħħar stadju parlamentari qabel il-vot finali

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Membri Parlamentari kollha tal-Partit Nazzjonalista huma magħqudin f’messaġġ wieħed u b’saħħtu kontra d-dħul tal-abort u llum se jkunu qed jivvotaw kontra l-Abbozz ta' Liġi kif ippreżentat mill-Gvern.

Fi stqarrija, il-PN tenna li l-Prim Ministru, permezz tal-Abbozz li ppreżenta l-Gvern, irid idaħħal l-abort f’pajjiżna.

Id-diskussjoni dwar dan l-Abbozz ta’ Liġi tinsab fi stadju tat-Tieni Qari u l-Parlament, illum, se jkun qed jivvota dwar l-Abbozz ta’ Liġi kif tressaq mill-Gvern.

Wara dan l-istadju, ikun imiss li l-klawsola f’dan l-Abbozz ta’ Liġi tkun diskussa mill-Kumitat dwar l-Abbozzi tal-Liġijiet, f’laqgħa li tkun imsejħa mill-Gvern aktar ’il quddiem.

"Robert Abela qed jibqa’ għaddej b’dan l-Abbozz ta’ Liġi biex idaħħal l-abort f’pajjiżna meta jaf li m’għandu l-ebda mandat elettorali mill-poplu Malti u Għawdxi biex jagħmel dan," temm jgħid il-PN.

More in Politika