Is-silenzjużi, il-ftit liberali li għad fadal fil-PN u Metsola... L-abort u l-partiti (2)

Wara li tajna ħarsa estensiva lejn il-Partit Laburista u kif l-għeruq tiegħu jista' qed jirreaġixxu fid-dawl tal-emenda li titratta l-abort f'każ li ħajjet jew saħħet il-mara tkun f'periklu, illum imissna nagħtu ħarsa lejn il-PN, dawk li mhumiex jitkellmu u li forsi qed jissottovaluta u l-pożizzjoni ta' Metsola favur l-abort... 

Bernard Grech u Robert Abela
Bernard Grech u Robert Abela

Il-ġimgħa l-oħra din il-gazzetta bdiet tanalizza l-effetti politiċi tad-diskussjoni dwar l-emenda li titratta t-tqala u li qed titqies bħala abort f'każ fejn ħajjet jew saħħet il-mara tkun fil-periklu. Bdejna billi spjegajna għaliex - minkejja l-ħafna diskors li din mhux kwistjoni politika, fil-fatt hija kwistjoni politika għax 1) Huwa l-politiku li jrid jiddeċiedi u 2) Għaliex din hija kwistjoni li ideoloġikament tifred partiti kbar mhux biss hawn imma wkoll fl-Istati Uniti, fost oħrajn, fejn it-twemmin tal-partiti dwar meta tibda l-ħajja hija differenti. 

Wara li tajna ħarsa lejn kif il-Partit Laburista jista' jkun li qed jissottovaluta l-votanti konservattivi tiegħu u wara li analizzajna x'inhu ċ-ċans li dawn ma jivvotawx Labour jew saħansitra jaqilbu l-vot, illum inħarsu lejn il-PN.  

L-issottovalutar ta' eluf li qed iżommu s-silenzju sforz it-tabù 

Waqt il-kampanja elettorali fl-Istati Uniti nħolqot l-espressjoni 'Trump-Shy Voters'. Dawn huma votanti li għal xi raġuni jew oħra ħassew li Donald Trump għamel biċċa xogħol tajba bħala President jew inkella jħossu li huma marru aħjar, imma sforz stqarrijiet razzisti jew sessisti li għadda Trump, kif ukloll sforz il-kontroversji li ċċirkondaw lilu u l-Presidenza tiegħu, jagħżlu li jimmutaw l-appoġġ tagħhom lejn Trump biex ma jkollhomx għaliex jiġġustifikaw l-għażla tagħhom.  

Ma mmorrux 'il bogħod. Hawn Malta fl-aħħar snin, speċjalment meta Joseph Muscat kien imexxi lill-Partit Laburista u l-Gvern, kien ċar illi kien hawn eluf kbar ta' nies - inkluż votanti tradizzjonalment nazzjonalisti - li vvotaw lil Muscat fl-2017 jew lil Robert Abela din is-sena - għax ħassew illi l-Gvern mexxa tajjeb waqt il-pandemija, jew inkella li għandhom negozju li irċieva ħafna għajnuna  li għenet biex jibqa' fil-wiċċ jew inkella għax jemmnu li l-Labour aktar kompetenti jew għax kellhom bżonn pjaċir u ħaduh. Imma konxji ta' ċerti akkużi serji ta' korruzzjoni jew saħansitra l-fatt li għad hemm imdendel fuq il-pajjiż l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, ma xtaqux illi jagħmlu l-appoġġ tagħhom wieħed pubbliku biex ma jkollhomx għaliex jiġġustifikaw l-għażla tagħhom u fil-proċess jiġu mgħajjra "ġaħan" jew "korrott." 

Fuq l-abort dan il-fenomenu jiżdied waħda sew għax minkejja d-diskussjoni u minkejja li l-Gvern daħħal ħafna drittijiet ċivili f'oqsma oħrajn, l-abort jibqa' suġġett tabù. Huwa rari jekk mhux kważi impossibbli li ssib mara li lesta illi turi wiċċha meta tisħaq li għamlet abort, anke jekk ir-raġunijiet tagħha kienu ġġustifikati u dan għaliex dan is-suġġett lokalment għadu jġorr stigma qawwija u negattiva ħafna. Ħafna drabi nisa li jagħmlu l-abort huma ffuċillati u insulentati virtwalment u b'mod kontinwu, huma mgħajjrin "qattelin" u fil-verità, kif inhi l-liġi bħalissa - u kif ippjanata li tibqa' minkejja din l-emenda - mara tkun qed tesponi lilha nnifisha għal azzjoni kriminali kontriha li ġġorr piena ta' ħabs, jekk tgħid illi fil-fatt wettqet abort.  

Biżżejjed naraw il-mod kif Andrea Prudente kienet redikolata fil-Parlament Malti stess, mill-Kap tal-Opożizzjoni u minn numru ta' Deputati tal-PN.  

Għalhekk il-klima hija perfetta biex dawk li jaqblu mal-abort - u mhumiex attivisti - u speċjalment dawk li għaddew minn jew għamlu abort iżommu s-silenzju. Ħadd, li mhuwiex politiku jew attivist, ma jrid joqgħod jġġustifika lilu nnifsu quddiem folla li qed tittimbra lil kull min huwa favur l-abort bħala "qattiel". U aktar kemm jissaħħu l-vuċijiet estremi fil-kamp kontra l-abort b'tgħajjir u paralleli bibbliċi u tbassir apokolaptiku, aktar dawk li huma favur l-emenda tal-Gvern jew favur l-abort in ġenerali se jippreferu s-silenzju, mill-opinjoni fil-pubbliku. 

Imma dawn l-opinjonijiet ma għandhomx ikunu ssottovalutati mill-Partit Nazzjonalista u minkejja li dan il-partit irid jibqa' fidil lejn dak li jgħid l-istatut tiegħu stess irid joqgħod attent li 1) Juża narrattiva kontra l-abort imma li mhux estrema u li 2) Jallinea ruħu ma' setturi aktar ċentristi u razzjonali - bħal professjonisti u tobba - fuq dan is-suġġett u mhux ma' gruppi li għandhom ideat mill-aktar kontroverjsali fuq kwistjonijiet oħrajn bħall-ugwaljanza, persuni LGBTIQ, Conversion Therapy, immigrazzjoni u anke l-pożizzjoni tal-mara fis-soċjetà.  

Hawnhekk tapplika ħafna l-"Ma min rajtek xebbaħtek." 

Il-PN għandu votanti liberali wkoll... 

Il-Partit Nazzjonalista, bħal dak Laburista, kif rajna fl-analiżi ġimgħa ilu, mhux omoġenju u minkejja illi f'ħafna kwistjonijiet fl-aħħar snin u matul l-aħħar 50 sena l-Partit Nazzjonalista skjera ruħu kontra bidliet soċjali u drittijiet ċivili, minn naħa l-oħra huwa mexxa politika favur sħubija mal-Unjoni Ewropea, proġett politiku liberali fl-oqsma soċjali, filwaqt li mexxa politika ekonomika meqjusa ħafna u ħafna aktar liberali minn dik ta' Mintoff. Il-liberaliżmu ekonomiku hija ideoloġija li tappoġġja ekonomija tas-suq ibbażata fuq il-konsum u l-proprjetà, il-politika li wasslet biex bdew telgħin il-vilel, l-appartamenti f'Tower Road u l-lukandi f'San Ġiljan, il-politika konsumerista li torbot fuq kemm il-konumsatur jikkonsma biex iddur ir-rota. Fi ftit kliem il-politika ekonomika li dan il-pajjiż baqa' jħaddan, xi drabi b'suċċess ekonomiku u drabi oħrajn le, fl-aħħar 30 sena jew aktar. 

Dan ifisser illi minkejja l-pożizzjoni kontra d-divorzju, kontra l-adozzjoni, l-astensjoni fuq l-Unjoni Ċivili, ir-reżistenza kontra l-iffirżar tal-embrijuni u anke l-kritika u reżistenza kontra l-Att dwar l-Identità tal-Ġeneru fl-aħħar snin, il-PN xorta għandu element ta' votanti aktar liberali. Għalkemm dan huwa iżgħar minn dak l-element li jinsab fil-Labour, xorta huwa kruċjali sabiex il-PN iżomm il-bażi ta' votanti tiegħu.  

Il-PN irid jara li ma jidħolx fir-riskju li tul id-diskussjoni dwar l-abort jaljena lil dawn il-votanti, billi kif għidna jifforma alleanzi ma' estremisti, li jistgħu jitfgħuh f'pożizzjoni illi jidher li qisu "kontra r-raġuni" jew inkella li huwa wisq dommatiku fid-dawl ta' realtajiet u tbatijiet li jista' jkun illi jgħaddu minnhom nisa tqal. Għalhekk il-PN ikun jaqbillu li jagħfas ħafna mill-argument tiegħu fuq il-kjarezza legali, lilhinn mit-tgħajjir u l-estrem.  

Il-periklu hu li dawn il-votanti jibdew iħarsu lejn għażliet politiċi oħrajn li jirrapreżentaw aktar l-opjinjonijiet u l-valuri tagħhom, 'il bogħod mill-estremiżmu u l-konfessjonali, fosthom lejn l-ADPD jew inkella lejn l-għażla li ma jivvotaw xejn jew inkella jibqgħu jivvotaw PN imma biss lil dawk il-kandidati meqjusin aktar liberali.  

Bejn ħajja fil-ġuf u l-bżonn kbir ta' kawża politika! 

Issa ejja inħarsu lejn il-kuntest tal-mument li fih qed tiġi din id-diskussjoni. Il-Partit Nazzjonalista - minkejja titjib fl-aħħar sondaġġ politiku - għadu lura sew u baqa' mwaħħal b'aktar minn 30,000 vot wara l-Partit Laburista, għax l-istess sondaġġ propju hekk juri: Differenza ta' 12.2% u allura distakk ta' madwar 35,000 vot. Dan allura juri li l-PN bħalissa jinsab fl-istess pożizzjoni elettorali li ilu fiha sa mill-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2009, meta kien tilef għall-ewwel darba b'distakk ta' aktar minn 30,000 vot.  

Imma lilhinn minn numri l-perċezzjoni b'saħħtiha hija li l-PN jinsab xi ftit jew wisq nieqes minn kawża li tgħaqqad f'ponn b'saħħtu lill-għeruq tiegħu - kif għamlet 'il-ġlieda għal-libertà' fit-tmeninijiet, Sħubija fl-UE fis-snin 90 u l-bidu tas-seklu u anke l-kwistjoni tal-korruzzjoni bejn l-2015 u l-2017. Pero' wkoll nieqes minn kawża li qed tiġbed l-ammirazzjoni tal-massa lejn il-Partit Nazzjonalista, kif ġibdu dawn il-kwistjonijiet kollha, speċjalment dik dwar sħubija fl-UE.  

It-tieni perċezzjoni kerha li qed jitqabad magħha l-PN hija dik popolari illi hu mhux se jkun fil-Gvern għas-snin li ġejjin, perċezzjoni msaħħa mill-elezzjonijiet kollha fl-aħħar 13-il sena, is-sondaġġi kollha li saru u li qed isiru bħalissa u msaħħa wkoll bil-fatt li jidher ċar illi l-għeruq jinsabu diżillużi ferm. Il-parti aktar perikoluża ta' din il-perċezzjoni hija li għax ħafna ma jemmnux li l-PN se jkun fil-Gvern għas-snin li ġejjin, jagħtu ħafna inqas rilevanza lill-ideat u l-proposti tiegħu, anke jekk forsi jaqblu magħhom. Din twassal biex inqas nies isegwu lill-PN, il-kelma tal-partit u d-Deputati tiegħu jkollha ħafna inqas piż u finalment twassal biex inqas nies ikollhom il-ħeġġa jappoġġjaw lill-PN.  

Għalhekk din l-emenda tat dak il-ftit xaqq ta' dawl lill-PN u lil Bernard Grech biex ikollhom kwistjoni li fuqha jidher li l-maġġoranza tal-poplu jaqblu mal-partit u permezz ta' narrattiva anti-abort il-partit jerġa' jibda jiġbed xi ftit is-simpatija tal-votanti, xi ħaġa li ilu ftit ma jagħmel. Dan id-dibbattitu huwa ċar li l-PN irid itawlu kemm jista' għal żewġ raġunijiet: Il-PN jaqbillu li l-pajjiż jibqa' jitkellem dwar din l-emenda u li ħafna jibqgħu jarawha bħala l-bieb lejn abort "on demand." U dan għax jittama li permezz ta' dan is-suġġett iqajjem il-ħeġġa u joħloq kolla li torbot ħafna mill-għeruq tal-PN ma' diversi persuni li forsi ma jivvutawx PN imma li fuq din il-kwistjoni jaqblu miegħu, bħal koalizzjoni ta' votanti.  

It-tieninett il-PN irid ukoll li dan id-dibattitu jkun imiss prattikament mal-Milied biex jibqa' jilgħab il-karta ta' "niċċelebraw it-twelid u l-Labour qed idaħħal il-mewt." Lilhinn minn kemm wieħed jaqbel jew le, jew kemm wieħed jista' jara tali stqarrija bħala eseġerazzjoni jibqa' fatt li strateġikament din għandha ċerta rilevanza u hija faċli biex il-votant jiftakar u sabiex jagħmel din ir-rabta.  

Fit-tul iżda, dan kollu jista' faċilment jinbidel.  

Fl-elezzjonijiet li jmiss - kemm dik tal-2024 imma b'mod speċjali dik ġenerali - il-probabbilità hija li din l-emenda mhux talli ma tkunx kwistjoni elettorali, talli tkun ilha li ntefgħet fuq wara nett tal-memorja pubblika xhur jew snin.  

Il-mument li fiha l-Gvern ta' Abela ressaq din l-emenda huwa bogħod biżżejjed biex kważi jiggarantixxi li din il-kwistjoni ftit li xejn timpatta kif jivvutaw in-nies. 

Il-fattur Metsola fl-2024 

Li din il-kwistjoni hija 'l bogħod minn elezzjoni mhux tajba biss  - elettoralment  - għall-Partit Laburista, imma hija tajba wkoll għall-Partit Nazzjonalista għaliex fl-elezzjoni li se jkun imiss, jiġifieri dik tal-Parlament Ewropew fl-2024, il-kandidat prinċipali tal-PN - biex ma ngħidux il-kandidat li magħha se tkun qed iddur kważi l-kampanja kollha - hija Roberta Metsola.  

Metsola bħala President tal-Parlament Ewropew ħadet pożizzjoni ċara favur l-abort u d-drittijiet riproduttivi tal-mara u fil-verità ma kellhiex wisq iktar għażla jekk riedet il-kariga li għandha llum. Fil-fatt fl-ewwel konferenza tagħha bħala President Metsola kienet mistoqsija aktar minn darba - minn diversi ġurnalisti minn pajjiżi differenti propju dwar l-abort.  

Jekk Metsola tixtieq żżomm il-pożizzjoni prestiġġjuża li għandha fil-Parlament Ewropew ikun diffiċli mmens li tallinea ruħha ma' partit li ftit ġimgħat jew xhur biss qabel ikun ibbattalja tant kontra l-abort - speċjalment jekk jintużaw l-argumenti li qed jintużaw fil-Parlament ta' "Abort fl-ebda każ". Dawn jistgħu jkunu argumenti li jinżlu tajjeb ma' settur kbir tal-poplu Malti, pero' li żgur mhux se jimpressjonaw lill-Parlament Ewropew li fil-maġġoranza assoluta tiegħu huwa favur l-abort u drittijiet riproduttivi tal-mara.  

Fil-fatt kemm il-Partit Popolari Ewropew - li tiegħu l-PN huwa membru - u anke l-Alleanza tas-Soċjalisti u Demokratiċi - li l-PL huwa memebru tiegħu huma favur l-abort, kif inhuma l-Liberali u l-Ħodor, li flimkien jifformaw maġġoranza qawwija ħafna tal-Parlament.  

Referendum mal-elezzjoni tal-Parlament Ewoprew jew inkella ftit qabel din l-elezzjoni ikun ifisser illi l-PN jidħol fiċ-ċans li jkollu jagħmel għażla diffiċli u li tista' tirriżulta f'aktar danni elettorali. Ikollu jew jagħmel l-abort is-suġġett li fuqu jibbaża l-kampanja u jitlef il-kandidatura ta' Metsola - li sa issa tidher illi tista' tkun l-unika salvazzjoni tiegħu f'dik l-elezzjoni. Jew inkella iżomm lil Metsola, jikkampanja bil-qawwi kontra l-abort fi kwalunkwe każ, imbagħad Metsola tiffaċċja l-ħalel u r-reżistenza ewropea hi.  

Li huwa żgur hu li Metsola jkollha tiffaċċja problemi u sfidi kbar għal kwalunkwe kariga fl-Unjoni Ewropea - li trid tkun approvata kemm mill-Partit Popolari Ewropew imbagħad mill-Parlament innifsu - jekk lokalment tieħu pożizzjoni voċifera kontra dak li issa qalet illi hija favurih.  

L-aqwa xenarju għall-PN, ironikament bħal-Labour, huwa li sa' l-ewwel elezzjoni li jmiss din il-kwistjoni tkun meqjusa fiċ-ċrieki politiċi, ġurnalistiċi u anke soċjali bħala 'passat remot.'  

More in Politika