Malta se tilqa' lill-mexxejja tal-pajjiżi fin-nofsinhar tal-UE f'Summit li se jsir fl-2023

Fi Spanja, il-Prim Ministru Robert Abela qal li se jkun unur għal Malta li tospita dan is-summit proprju fl-għaxar sena tiegħu

Il-PM Abela waqt is-Summit
Il-PM Abela waqt is-Summit

Fi tmiem summit tal-MED 9, li jlaqqa’ pajjiżi tan-naħa ta’ isfel tal-Unjoni Ewropea, tħabbar li s-summit li jmiss ta’ dawn il-pajjiżi se jkun qed isir f’Malta s-sena d-dieħla.

Fi Spanja, il-Prim Ministru Robert Abela qal li se jkun unur għal Malta li tospita dan is-summit proprju fl-għaxar sena tiegħu. “Inħares ’il quddiem biex nilqagħkom f’Malta biex inkomplu dan id-djalogu,” qal il-Prim Ministru f’konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-mexxejja tat-tmien pajjiżi l-oħra. Dawn il-pajjiżi huma Franza, Spanja, l-Italja, il-Portugall, il-Kroazja, Ċipru, il-Greċja u s-Slovenja.

“Huwa s-suċċess tal-koperazzjoni tagħna li jwassal biex nibqgħu nsibu s-soluzzjonijiet,” kompla jgħid il-Prim Ministru Abela.
L-enerġija u l-ekonomija kienu fost it-temi għad-diskussjoni bejn il-mexxejja ta’ dawn il-pajjiżi. Dan tul żewġ sessjonijiet li saru matul il-jum tal-Ġimgħa.

“Iċ-ċittadini u n-negozji tagħna jixirqilhom soluzzjoni għat-tul u soluzzjonijiet robusti,” insista l-Prim Ministru Abela meta tkellem dwar is-settur tal-enerġija u qal li dan hu l-messaġġ ċar li għandu anke jintbagħat lill-Kummissjoni Ewropea. Hawn kien enfasizzat ukoll il-bżonn tal-konnettività fin-networks Ewropej, fosthom permezz ta’ infrastruttura tal-futur bħal dik hydrogen ready. “Li nħaffu l-investiment fl-enerġija rinnovabbli huwa wkoll kruċjali biex innaqqsu d-dipendenza minn fuq sorsi tal-enerġija li jiġu minn barra l-Unjoni Ewropea,” kompla jispjega l-PM li enfasizza kif fl-immedjat il-konsumatur irid jibqa’ jkun megħjun. Malta hija waħda mill-aqwa eżempji ta’ din l-għajnuna u għalhekk illum pajjiżna għandu fost l-inqas rati ta’ inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea.

Għal darba oħra, il-Prim Ministru Abela reġa’ enfasizza l-ħtieġa ta’ paċi u stabbiltà fil-Mediterran u qal li dan jista’ jinkiseb billi kulħadd jaħdem flimkien f’oqsma ta’ interess komuni bħall-bidla fil-klima, l-enerġija, il-paċi, is-sigurtà u l-immigrazzjoni. B’rabta mal-immigrazzjoni, reġa’ enfasizza fuq politika li tħarbat il-mudell ta’ traffikanti tal-bnedmin għax dawn huma gruppi kriminali li japprofittaw mill-vulnerabilità tal-immigranti. Hawn reġa’ insista għall-appoġġ lill-poplu Libjan.

Intant, meta rrefera għall-irwol li se tieħu Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta se taħdem għall-ġid komuni u rrefera għal oqsma importanti, bħall-bidla fil-klima.

More in Politika