'L-ilmenti dwar l-irwejjaħ f'Birżebbuġa ilhom għaddejjin... L-awtoritajiet għandhom ħeġġa jikkontrollaw?' - ADPD

Id-Deputat Chairperson tal-ADPD Sandra Gauci tisħaq illi l-Gvern qed idgħajjef il-Kunsilli Lokali meta jinjorahom biex il-ħbieb tal-ħbieb jibqgħu għaddejjin bħal romblu fuq in-nies...

L-impjant tat-tonn
L-impjant tat-tonn

"L-inkonvenjent mill-operaturi tal-impjant ta’ riċiklaġġ tal-fdalijiet tat-tonn f’Birżebbuġa ilhom għaddejjin żmien twil wisq, bl-ilmenti tar-residenti mill-irwejjaħ tad-drenaġġ u effluwent fit-toroq injorati ripetutatment. L-awtoritajiet għadhom il-ħeġġa biex jikkontrollaw l-operaturi?"

Hekk staqsew kelliema tal-ADPD illum, waqt konferenza propju f'Birżebbuġa. 

Id-Deputat Chairperson tal-ADPD Sandra Gauci qalet li n-nuqqas ta’ konsultazzjoni qiegħed iwassal ripetutament għal ilmenti u protesti mir-residenti. Dan in-nuqqas, kompliet tgħid sar xi ħaġa regolari minn dan il-Gvern "li b’direct orders, avviżi legali u mezzi oħra, qiegħed dejjem isib modi kif jonqos milli jirreferi proġetti ma’ dawk kollha li fuqhom jistgħu iħallu l-impatti tagħhom."

Gauci qalet illi dan sar pajjiż fejn grupp żgħir ta’ nies għandu s-saħħa li jiddeċiedi fuq ħajjet il-kumplament tan-nies. "Kull ma jmur il-poplu in ġenerali qiegħed iħossu bla vuċi u l-Kunsill Lokali qegħdin jitilfu s-saħħa tagħhom meta l-Gvern jinjorahom biex jaġevola il-proġetti imfassal mill-ħbieb u l-ħbieb tal-ħbieb."

Hija qalet illi n-nuqqas ta' għarfien ta’ kif qegħdin jintlaqtu n-nies ġewwa Birżebbuġa huwa mera ta’ dak li qiegħed jiġri f’inħawi oħra ta’ Malta.

“Filwaqt li niftaħru li għadna il-GDP dejjem jiżdied għandha problemi ta’ mard respiratorju dejjem jikber, żieda fil-problemi ta’ saħħa mentali u riċerka li ikkonfermat li aħna poplu rrabjat u mdejjaq! Kemm se ndumu inbaxxu rasna għal dak li jiġi impost minn fuq?" staqsiet Gauci. 

'Assalt ta' snin fuq Birżebbuġa'

Intant d-Deputat Segretarju Ġenerali u kandidata ta’ ADPD – The Green Party Melissa Bagley qalet li ADPD ilu isegwi dak li ddeskriviet bħala "l-assalt li ilu għaddej fuq Birżebbuġa" tul is-snin bi proġetti li ħallew impatt negattiv fuq il-ħajja tar-residenti, fosthom l-attivitajiet kummerċjali tal-Freeport, l-ajruport, iż-żona industrijali ta’ Ħal Far, it-trakka fl-istess post kif ukoll il-proposta ta’ barriera f’Bengħajsa - li issa ġiet irtirata. 

"Il-kwalità tal-ħajja tar-residenti ta’ Birżebbuġa qegħda għal darboħra tintlaqat ħażin minħabba it-traskuraġni u l-gwadann ekonomiku, b’impatt negattiv fuq l-ambjent fiżiku kif ukoll fuq is-saħħa kemm dik mentali u fiżika tan-nies tal-lokal."

Bagley fakkret li t-tmexxija tal-kumpanija mhux jieħdu responsabbiltà għall-irwejjaħ u t-tixrid tad-drenaġġ li qiegħed ikun hemm f’dawk l-inħawi, u qed jibqgħu jinsistu li ħadu l-miżuri neċessarji biex iżommu l-irwejjaħ milli joħorġu mill-impjant.

More in Politika