Mara ta' 27 sena wieġbet mhux ħatja għall-akkużi kontriha illi serqet kartiera li fiha kien hemm fiha €1,000, waqt li kienet f'supermarket. L-akkużata - li ma għandhiex impjieg - dehret quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello llum akkużata b'serq li seħħ f'Marzu li għadda f'Buġibba. Hija serqet handbag li l-vittma ħalliet mal-art waqt li kienet qed tħallas lill-kaxxier.
Il-vittma xehdet illi hija kienet għadha kemm ġibdet €1,000 mill-bank, liema flus kienet se tuża għal safra relatata ma' bżonnijiet mediċi. Hija għarrfet lill-akkużata bħala l-mara li kienet tinsab warajha fil-ħanut waqt li hi kienet qed titkellem mal-ħaddiema tas-supermarket. Il-mara dehret ukoll fuq il-filmati CCTV tisraq il-kartiera.
Il-Qorti imponiet €1,000 f'garanzija personali li trid titħallas mill-akkużata, filwaqt li kienet imwissija illi dawn il-flus ikunu ikkonfiskati jekk hi ma tidhirx għal seduta.
L-avukat Daniel Attard mexxa d-Difiża u l-Ispettur Frank Cauchi mexxa l-Prosekuzzjoni.