‘Din il-gwerra qed tolqot lid-dinja; La aħna parti mid-dinja lilna tolqotna wkoll’

Il-Ministru Evarist Bartolo jgħid mal-gazzetta ILLUM li kuljum qed iżomm kuntatt mhux biss mal-komunità Ukrena f’Malta imma anke mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ukren

“Dan il-kunflitt mhuwiex ‘il bogħod. Dak li qed jiġri fl-Ukrajna mhijiex sempliċiment aħbar internazzjonali. Din il-kriżi qed tiġri fostna.”

Hekk saħaq il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo f’kummenti mal-gazzetta ILLUM dwar il-kriżi fl-Ukrajna li qed tiddomina mhux biss l-aħbarijiet internazzjonali imma sa ċertu punt tefgħet fil-ġenb anke l-kampanja elettorali li għaddejja f’pajjiżna.

Il-Ministru spjega kif f’Malta hawn komunità Ukrena mdaqqsa u hemm ukoll diversi Maltin li huma miżżewġa Ukreni.

“Għalihom il-gwerra mhux qed tiġri ‘l bogħod. Mhux qed tiġri 3,500 kilometru ‘l bogħod. Qed tiġri hawn fostna. Il-kunflitt huwa qrib emottivament,” insista l-Ministru. Il-komunità Ukrena f’Malta tgħodd ‘il fuq minn 1,000 ruħ.

Saħaq li jinsab f’kuntatt kontinwu ma’ din il-komunità u anke Maltin miżżewġa Ukreni. 

‘Iċemplulu familji li qed jaħarbu minn Kjiv...’

“Iċempilli missier li għandu lil martu u lit-tfal li qed jivjaġġaw fuq trejn lejn il-Polonja biex imbagħad jiġu Malta. Ċempluli żewġ familji oħra li wkoll telqu minn Kjiv biex jiġu Malta. Aħna qed inżommu kuntatt mal-Ambaxxata tagħna fil-Polonja biex nieħdu ħsiebhom malli jaslu sakemm jitilqu lejn Malta,” kompla jispjega Bartolo. 

Apparti minn hekk, saħaq il-Ministru, qed iżomm kuntatt kuljum mal-Ministru Ukren għall-Affarijiet Barranin Dmytro Kuleba.

“Nammirah li f’din is-sitwazzjoni jsib ħin iweġibni kuljum. Irringrazzjani għall-pożizzjonijiet li qed nieħdu kemm fl-Unjoni Ewropea u anke fil-Ġnus Magħquda u għall-għajnuna li qed nagħtu u għall-appoġġ,” insista.

‘Il-qamħ u l-għalf tal-bhejjem nimportaw mill-Ukrajna’

Iżda dan il-kunflitt huwa qrib il-Maltin, għal diversi raġunijiet oħra. Fost dan, saħaq il-Ministru Bartolo, il-qamħ tagħna u anke l-għalf tal-bhejjem jiġi mill-Ukrajna. 

“Dak li jiġri hemm, jekk hux se jkun hemm ħsad u jekk l-iskarsezza hux se tgħolli l-prezzijiet, huma kollha affarijiet li se jolqtuna. Hemm it-traġedja umana, imma mbagħad hemm il-konsegwenzi ekonomiċi wkoll,” spjega Bartolo.

Dan biex ma nsemmux il-konsegwenzi politiċi. It-tifrik bil-missili Russi mhuwiex biss fuq l-infrastruttura tal-Ukrajna imma anke fuq l-organizzazzjonijiet internazzjonli. 

“Diġà ttieħdu passi biex jitkeċċew mill-Kunsill tal-Ewropa. Il-gwerra qed tħalli effett fuq il-Ġnus Magħquda. Qed tħalli effett fuq l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u s-Sigurtà fl-Ewropa li propju twaqqfet biex ma jiġrix dak li ġara,” kompla jispjega l-Ministru.

‘Malta newtrali militarment ... imma nibqgħu niddefendu l-valuri li nemmnu fihom’

Malta ħadet ukoll pożizzjoni. Qed turi solidarjetà mal-poplu Ukren u kkundannat dak li qed twettaq ir-Russja. L-ILLUM tistaqsih jekk dan ifissirx li Malta ma baqgħetx pajjiż ‘newtrali.’

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin saħaq li Malta, bħala pajjiż ċkejken, ma tista’ qatt taqbel li min hu b’saħħtu jaqbad u jiddeċiedi hu kif ibiddel il-fruntieri jew jimponi fuq il-ġirien tiegħu.

“Qed inżommu n-newtralità. Fl-UE għandek tliet membri li huma newtrali, aħna l-Awstrijaċi u l-Irlandiżi. Meta l- kellna laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin u ġie deċiż li jintbagħtu armi lill-Ukrajna, aħna bħala pajjiż filwaqt li mhux se nwaqqfu lill-bqija, għidna ċar u tond li mhux se nibagħtu armi u minflok se nibagħtu għajnuna umanitarja, fosthom ikel u mediċina,” saħaq il-Ministru.

Kompla jispjega li Malta hija newtrali “militarment,” imma ma jfissirx li ma tistax titkellem. Insista li Malta tibqa’ dejjem favur u tiddefendi l-valuri tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, is-sovranità u l-paċi.

Jekk l-UE taċċetta t-talba tal-Ukrajna għall-isħubija mhux se tipprovoka lil Putin?

Il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy qed jitlob lill-Unjoni Ewropea biex taċċetta li ssieħeb b’mod “immedjat” lill-Ukrajna bħala membru. Malta hija parti mill-Unjoni Ewropea u għalhekk, l-ILLUM tistaqsi lill-Ministru jekk jaqbilx ma’ dan. 

X’jiġri jekk l-UE taċċetta? Se tidher qed tipprovoka lir-Russja?

Il-Ministru saħaq li aktar milli għall-Unjoni Ewropea, ir-Russja aktar toġġezzjoni għas-sħubija fin-NATO, peress li din hija alleanza militari.

Insista li t-talba ta’ Zelenskyy trid tiġi studjata, aktar u aktar għax qatt ma ġrat li xi pajjiż daħal b’mod immedjat.

Jekk il-kunflitt jinfirex, Malta se tkun milquta?

Ħafna qed jinkwetaw li l-kriżi fl-Ukrajna se teskala u se tispiċċa gwerra akbar. Bosta inkwetaw ukoll meta l-President Russu, Vladimir Putin, poġġa l-forzi nukleari fuq “allert massimu.” L-ILLUM tistaqsi lill-Ministru x’jista’ jiġri u jekk Malta tistax tispiċċa f’nofs gwerra.

Il-Ministru serraħ ras kulħadd li ż-żewġ naħat qed joqogħdu attenti li s-sitwazzjoni ma teskalax. 

“Jekk toqgħod fuq il-kliem biss tinkwieta ħafna. Il-kliem huwa ta’ nies irrabbjati għal xulxin,” qal il-Ministru. “Irridu nżommu f’moħħna li sakemm ma nkunux qridna d-dinja, wara li tgħaddi din il-gwerra kriminali, irridu nitkellmu bejnietna.”

Malta qed tappella ... anke lir-Russja...

Saħaq li Malta, anke jekk trid iżomm f’moħħha ċ-ċokon tagħha, ma tistax ma titkellimx ċar.

“Fil-jiem li għaddew kont f’kuntatt maċ-Ċina, l-Indja u ma’ sħabna tal-Unjoni Ewropea u oħrajn. Aħna bqajna nwasslu l-messaġġ tagħna, jiġifieri li d-dinja ma tispiċċax f’diżordni fejn min hu b’saħħtu jiddeċiedi għall-bqija, li nipproteġu s-sovranità, id-dritt li poplu jmexxi lilu nnifsu u jagħżel triqtu u li ma nheddux lil xulxin. Aħna qed inwasslu dan il-messaġġ lill-akbar pajjiżi tad-dinja,” saħaq il-Ministru.

Anke mar-Russja, Malta appellat dwar dan, aktar u aktar għax fi kliem Bartolo, dan huwa żmien fejn il-pajjiżi kollha, aktar minn qatt qabel, suppost qed jaħdmu flimkien biex id-dinja toħroġ mill-pandemija u biex tiġġieled l-isfida tat-tibdil fil-klima.

“Il-leħen tagħna huwa ċkejken imma dinjituż. Imma nibqgħu nagħmluh favur il-paċi, favur in-negozjati u favur il-fatt li diffiċli kemm hu diffiċli li ngħixu flimkien, mhuwiex impossibbli,” insista l-Ministru.

‘Mhux nagħmel home-visits .... ħassejt li kelli nibqa’ naqdi dmiri’

L-ILLUM ma setgħetx ma tistaqix lill-Ministru Bartolo dwar l-impatt li l-kriżi fl-Ukrajna qed ikollha fuq il-kampanja elettorali f’Malta. Donnu n-nies aktar qed isegwu u huma mħassba b’dak li qed jiġri fl-Ukrajna milli dak li qed jiġri f’Malta.

“Jiena żgur li ma għandhix ċans nagħmel home-visits. Jiena ħassejt li kelli nibqa’ naqdi dmiri f’sitwazzjoni bħal din. Irridu nikkordinaw dak li qed jiġri ma’ pajjiżi oħra u anke nżommu kuntatt mal-komunità Ukrena,” insista Bartolo.

Saħaq li n-nies jagħmlu tajjeb li jsegwu dak li għaddej għax illum dak li jiġri fid-dinja jimpatta lilna wkoll.

“Fil-każ ta’ Malta aktar. Aħna kważi nixtru kollox minn barra u nbiegħu kollox barra. Meta jogħla t-trasport, l-enerġija, l-ikel, il-metall u l-microchips, aħna se nintlaqtu wkoll. Din gwerra qed tolqot lid-dinja u la aħna parti mid-dinja, lilna tolqotna wkoll,” temm jisħaq il-Ministru.

Putin qam filgħodu u ried jinvadi l-Ukrajna? X’wassal għall-kunflitt?

L-Ukrajna kienet parti mill-Unjoni Sovjetika sakemm fl-1991 ivvotat b’saħħitha f’referendum għall-indipendenza. Din kienet id-daqqa tal-mewt għall-Unjoni Sovjetika.

Wara dan, in-NATO (alleanza militari bejn 30 pajjiż), bdiet tersaq aktar lejn il-pajjiżi fil-Lvant tal-Ewropa. Fl-2004, man-NATO ssieħbu r-repubbliċi Baltiċi tal-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja u li wkoll kienu parti mill-Unjoni Sovjetika. 

Erba’ snin wara, in-NATO iddikjarat l-intenzjoni tagħha li toffri sħubija lill-Ukrajna. Dan ma niżel tajjeb xejn mar-Russja, b’Putin jiddikjara dan bħala “theddida ċara,” għal pajjiżu. F’Diċembru li għadda, Putin ippreżenta lill-Istati Uniti u lin-NATO lista ta’ talbiet, ewlenija fosthom garanzija li l-Ukrajna ma tkun qatt aċċettata bħala parti minn din l-alleanza militari.

F’diversi intervisti, Putin kemm-il darba qal li l-Ukrajna hija parti mir-Russja, kulturalment, lingwistikament u anke politikament. F’Lulju 2021, Putin saħansitra iddikjara li r-Russi u l-Ukreni huma “poplu wieħed” u akkuża lill-pajjiżi tal-Lvant li “kkorompew” lill-Ukrajna u bidlulha l-identità tagħha.

L-Ukreni x’jaħsbu dwar dan? Hemm parti mill-popolazzjoni li titkellem ir-Russu, b’mod partikolari dik fil-Lvant, li taqbel ma’ dan. Madanakollu, dawk li jgħixu fin-naħa tal-Punent tal-Ukrajna, anke storikament, jaqblu aktar ma’ integrazzjoni lejn l-Ewropa.

It-tensjoni ilha li bdiet mill-2014, meta eluf ta’ persuni niżlu jipprotestaw fil-kapitali Kjiv kontra President li kien ħobża u sikkina mar-Russja u li kien irrifjuta li jiffirma l-ftehim biex l-Ukrajna tissieħeb mal-Unjoni Ewropea. Eventwalment, dan kellu jċedi għall-pressjoni u jitlaq.

Ir-Russja ma baqgħetx idha fuq żaqqha u kienet invadiet il-peniżola tal-Krimea. Dan ta spinta lis-separatisti fil-Lvant tal-Ukrajna li ħadu f’idhom il-kontroll ta’ parti mir-reġjun ta’ Donbas, li fost oħrajn jinkludi lil Donestsk u Luhansk, li meta beda jinvadi lill-Ukrajna, Putin iddeċieda li jiddikjarahom u jqishom bħala “stati indipendenti.

Minkejja ftehim għall-waqfien mill-ġdid fl-2015, it-tensjoni bejn ir-Russja u l-Ukrajna baqgħet hemm u ħalliet xejn inqas minn 14,000 persuna mejta. Moska kemm-il darba kienet akkużata li użat diversi attakki ċibernatiċi, pressjoni ekonomika u anke propaganda biex iżżid it-tensjoni fl-Ukrajna. 

Dan biex ma nsemmux it-tensjoni li baqgħet tiddomina f’Dombas. F’konferenza mal-Kanċillier Ġermeniż Olaf Scholz, fis-16 ta’ Frar li għadda, Putin saħaq aktar minn darba li l-Ukrajna qed twettaq “ġenoċidju” kontra persuni Russi jew viċin ir-Russi f’dan ir-reġjun. Dawn l-allegazzjonijiet qatt ma kienu s-sostanzjati. 

Volodymyr Zelenskyy, eks kummidjant u attur, rebaħ l-elezzjoni Presidenzjali fl-2019. Huwa kien wiegħed li jtemm il-kunflitt f’Dombas imma ftit li xejn inbidel. 

Insista wkoll kemm-il darba li l-Ukreni mhumiex ta’ Putin. Saħaq li Moska ma tistax iżomm pajjiż indipendenti u sovran milli jissieħeb man-NATO jew inkella jinterferixxi fil-politika domestika jew barranija tiegħu.

“Ir-Russja ma tistax twaqqaf lill-Ukrajna milli tissieħeb man-NATO u ma għandha l-ebda dritt biex ikollha xi sehem fid-diskussjonijiet,” saħaq il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ukren.

Ftit jiem biss wara li beda l-attakk, Zelenskyys saħansitra talab lill-Unjoni Ewropea biex “immedjatament” taċċetta lill-Ukrajna bħala membru u ħeġġeġ lill-mexxejja tal-Punent biex jgħinu lill-Forzi Ukreni. 

Għalkemm saru laqgħat bejn delegazzjoniji Ukrena u Russa, Zelenskyy minnufih qal li ma jemminx li dawn se jħallu l-frott imma saħaq li l-Ukrajna se tagħmel xorta waħda minn kollox biex tippreveni gwerra. Qabel bdew dawn it-taħdidiet, l-Ukrajna talbet li r-Russja tirtira t-truppi kollha tagħha.

More in Politika