'Dan pajjiż fewdali - li jitmexxa minn nofs tużżana b’id moħbija, bi swaba twal bħal qarnita'

Huwa s-Sindku ta' waħda mill-aktar lokalitajiet li fiha bħalissa għaddej żvilupp ta' kostruzzjoni.  Huwa voċiferu kontra proġetti ta' kostruzzjoni kbar fil-lokalità u spiss ikun ma' għaqdiet ambjentali jipprotesta.  Il-gazzetta ILLUM tintervista lis-Sindku ta' San Ġiljan, Albert Buttigieg...

Is-Sindku ta' San Ġiljan Albert Buttigieg
Is-Sindku ta' San Ġiljan Albert Buttigieg

Inti Sindku ta' San Ġiljan, lokalità illi fiha l-iżvilupp huwa kontinwu u ġeneralment jkun estensiv.  Imma inti tippretendi li ma jsirx żvilupp? Jekk le, f'dak li jirrigwarda żvilupp x'qed tippretendi li jsir? 

Ir-risposta tiegħi kienet u hija waħda ċara u konsistenti.  L-iżvilupp huwa parti mill-mixja tal-progress ta’ nazzjon.  Allaħares għadna naħslu b’idejna, jew inkella insajru fuq il-kenur! Imma kull żvilupp irid iseħħ f’kuntest wiesgħa u b’rispett għall-istess kuntest. Kull progress ma għandux jissarraf f’rigress. 

Kull progress irid ikun bi ħsieb u bi pjan ħolistiku. Kull progress irid ikun għall-ġid komuni u mhux għall-interesssi tal-ftit. Dawn huma xi wħud mill-prinċipji bażiċi ta’ kull żvilupp.  

Dan japplika wkoll għall-iżvilupp tal-bini. 

Fih innifsu, dan huwa tajjeb u diversi huma dawk li jaqilgħu l-ħobża tagħhom minn dan is-settur, imma dan ma  jridx ikun ta’ dannu għal ħwejjeġ oħra. Kif igħid il-Malti: ‘Ma tistax iżżarma knisja biex tibni oħra’. Għaldaqstant huwa importanti li l-ewwel nistaqsu jekk hemmx bżonn dan l-iżvilupp kollu. 

Hemm bżonn dawn il-hotels kollha? Hemm bżonn dawn l-appartamenti kollha? Tajjeb infakkar li żżejjed huwa oħt in-nieqes! 
Jista’ ikun li dan l-iżvilupp sfrenat huwa biss mod kif nagħmlu ekonomija b’saħħitha?  Jista’ jkun li dan huwa dak li bl-Ingliż jissejjaħ ‘engineered economy’?  Insejna li jkun tajjeb li ma jkunx hemm dipendenza fuq settur wieħed imma li jkun hemm diversifikazzjoni tas-setturi li fuqhom tkun mibnija l-ekonomija? X’jiġri jekk dan is-settur jidħol fi krizi kif ġara f’pajjiżi oħra? Jew naħsbu li aħna l-eċċeżżjoni? 

Mistoqsija oħra: Dan l-iżvilupp qed iwassal biex jeqred/jidgħajjef l-identità tagħna? Dan l-iżvilupp qed jeqred l-ambjent tagħna, li diġà huwa wieħed limitat? 

L-ambjent huwa d-dar komuni tagħna.  Kulħadd iħobb daru, imma d-dar komuni tagħna qed nieħdu ħsiebha?  Dan l-iżvilupp kollu se jwassal għal nuqqas ta’ spazji miftuħa. Issa, ix-xjenza qed turina li fejn hemm ħafna żvilupp hemm ukoll nuqqas ta’ saħħa mentali. Mhux biss. 

Ejja nistaqsu wkoll: Dan l-iżvilupp qed iwassal biex jagħmel ħsara lill-patrimonju tagħna? U jekk il-patrimonju tagħna jispiċċa, mhux qed nagħmlu ħsara lit-turizmu, wieħed mill-pedamenti tal-ekonomija tagħna? Jekk isir dan, għalfejn jiġu t-turisti fostna?  Għalhekk, filwaqt li napprezza l-importanza tal-iżvilupp tal-bini, dan għandu jsir bi pjan ħolistiku u li jirrispetta l-lokalità. Fil-każ ta’ San Ġiljan, b’dispjaċir ngħid li dan mhux qed iseħħ. San Ġiljan spiċċa mhux biss ‘one construction site’ imma kwazi spiċċa ‘favela’. Ma hawnx triq waħda li ma hemmx kostruzzjoni għaddejja fiha! 

U dan qed iwassal għal livell ta’ kwalità ta’ ħajja ħażina lir-residenti tagħna, li ta’ kuljum iridu jgħixu fit-trab, storbju, trakkijiet, arroganza ta’ ċerta ħaddiema u elf ħaġa oħra. 

It-torri tal-Proġett ta' Mecury House - huwa wieħed enormi.  Ħafna nies jgħidulek 'kemm ġej sabiħ' jew oħrajn jgħidulek 'kemm se jkun modern/iġib kummerċ'.  Xi kultant l-akkuża tkun illi nies bħalek dejjem kontra l-progress. Int kif twieġeb? Din bħal tal-Hilton...ħafna protesti - illum t-torri ta' Portomaso jġibuh f'ħafna filmati turistiċi! Kif twieġeb?

Il-mistoqsija tiegħek fija r-raġuni għalfejn ninsabu f’dan il-kaos ambjentali! Inti semmejt eżempju ta’ lukanda waħda u nsejt isemmi l-kuntest kollu fejn tinsab! Nemmen li dan huwa l-iżball li qed isir. 

Meta niġu nitkellmu fuq l-izvilupp qegħdin nieħdu ‘piecemeal approach’, jiġifieri naraw biss proġett wieħed waħdu! Proġett waħdu huwa sabiħ jew le skont il-gosti. Meta jsiru preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet, l-applikant jagħti stampa sabiħa fejn in-nies qed jimxu fit-triq mingħajr karozzi u kullimkien ħdura! Dan huwa ingann!  

L-ikbar żball tal-Awtorità tal-Ipjannar hija li mhijiex qed tieħu l-kuntest tal-madwar u dak kummulattiv, jiġifieri flimkien ma’ dak kollu li hemm, fejn se jwassal?  Wasal żmien li jkollna masterplan tal-lokalità li tagħti stampa fejn, kif u x’għandu jinbena u lokalità x’tiflaħ aktar. 
Xi sentejn ilu, il-Gvern ħareġ bil-Paceville Masterplan. Fiha kien daħħal ammont kbir ta’ żvilupp mingħajr ma ħa inkonsiderazzjoni, l-esiġenzi tar-residenti / komunità kummerċjali, il-madwar u l-infrastruttura kollha. Dan l-masterplan spiċċa fix-xejn imma ironikament kull żvilupp li kien propost, xorta spiċċa sar! Fosthom kien hemm il-Villa Roza Complex, it-torri tal-Mercury House 1 u torri tal-Mercury 2 li ser jinbena u l-proġett ta’ DB, fost oħrajn.  

Għalhekk hemm bżonn urġenti ta’ masterplan li jiġbor lill-istakeholders kollha, inkluż lill-Kunsilli Lokali, u li jkun hemm investiment qawwi fl-infrastruttura. Ma nistgħux nkomplu nibnu fuq biċċa, biċċa u ma jinterressaniex mill-konsegwenzi! Dawn l-iżviluppi enormi kollha seħħew jew se jseħħu imma t-toroq, il-bankini, is-sistema tad-dranaġġ u sistema ta’ traffiku għadhom l-istess! 

Mhux hekk biss. Issa biex isir il-proġett ta’ DB, il-case officer qal li dan il-proġett jiddependi mill-mina li jrid jibni l-Gvern! Imma minflok saret il-mina l-ewwel, ħareġ il-permess għal bini tad-DB l-ewwel!  F’dan il-masterplan li rridu naraw huwa kemm tiflaħ mhux biss il-lokalità tagħna imma kull lokalità. Ma nistgħux nibqgħu ngħabbu u nibnu, bħal ma kien jiġri fuq il-karozza tal-linja l-antiki.....jgħabbi u jgħabbi biex konna nispiċċaw qisna sardin fuq xulxin!  

Ħaġa oħra li l-masterplan irid jieħu ħsieb huwa jekk l-iżvilupp hux se jkun ta’ ħsara għal min huwa ħdejh. Dan qed ngħidu għaliex diversi qed jispiċċaw fid-dell tal-bini u jħarsu lejn blanket walls!  Hawn insemmi il-bżonn li nibdew nitkellmu fuq id-drittijiet solari. 

Idejqek il-fatt li lilhinn mill-kliem fieragħ, la l-Partit Laburista, li jiġi akkużat ħafna li huwa fil-but tal-kuntratturi, iżda lanqas il-Partit Nazzjonalista mhu qed jitkellem fuq żvilupp b'mod ċar. Bħall-permes tad-DB jew inkella l-proġett ta' Portelli (Mecury) jew inkella l-proġett tal-Pendergardens. La l-PN u lanqas il-PL mhuma jitkellmu dwar dan. Ma jdejqekx li lanqas il-PN mhu jkun voċiferu kontra kuntratturi daqstant kbar?

It-tweġiba ta’ din il-mistoqsija trid ħafna onestà u kuraġġ! Irridu nkunu onesti u nistqarru l-fatt li sfortunatament il-pajjiż mhuwiex immexxi mill-politiċi magħżula fl-elezzjoni, imma minn min huwa wara s-siġġu tal-poter. Xi wħud jibżgħu jgħidu dan jew inkella jsibuha diffiċli jammettu dan bil-miftuħ.  Personalment,  nemmen li Malta mhix pajjiz demokratiku 100% imma wieħed fewdali. 

Xi jfisser pajjiż fewdali? Fewdali jfisser li jitmexxa minn nofs tużżana b’id moħbija, bi swaba twal bħal qarnita! Ma għandix għalfejn insemmi ismijiet għaliex jekk wieħed ikun onest, jaf sew minn huma! Dawn matul is-snin dejjem għamlu li riedu, ħadu li riedu u ħadd ma seta’/jista’ għalihom.  Ma għandix problema nistqarr li l-ewwel ‘ħelbu lill-baqra Nazzjonalista’ u wara li redgħu miż-żejża kemm felħu, daru għall-‘baqra’ Laburista!’

L-ironija hija li filwaqt illi l-attivisti Nazzjonalisti u dawk Laburisti qishom kelb u qattus, dawn, li jħossuhom ‘il fuq minn kulħadd, jogħrku jdejhom u jmexxu permezz tal-istrategija ta’ ‘divide and rule’. 

U l-boloh li aħna noqgħodu niġġieldu bejnietna!   Il-ġrajjiet li seħħew dawn l-aħħar snin u l-istejjer li qed nisimgħu juru biċ-ċar li hemm qarnita li għandha subgħajha twal u kullimkien.  L-appell tiegħi huwa li filwaqt li kulħadd għandu dritt għal opinjoni politika tiegħu (u din hija s-saħħa tad-demokrazija), tajjeb li niqfulhom! Nifhmu li l-intenzjoni tagħhom mhijiex il-ġid ta’ nazzjon imma l-interessi egoistiċi tagħhom li jkomplu jerdgħu u jkabbru l-imperi tagħhom! 

Dawn huma s-sangisugi tad-demokrazija tagħna. Dawn huma l-vera tradituri ta’ pajjiżna! Dawn jinħabbu mal-partiti politiċi mhux għax iħobbu xi partit jew ieħor imma biex jinqdew huma. Nistqarr li dan ma seħħx illum imma ilu ġej! 

X’inhi s-soluzzjoni? Is-soluzzjoni hija l-finanzjament tal-partiti politiċi mill-Istat u li kull donazzjoni tkun illegali. Sakemm dan ma jseħħx se nibqgħu hekk! Għalkemm din hija r-realtà, jiena kommess li kif dejjem għamilt, inkompli nagħmel: nżomm mal-ġid komuni biss!  Ma nibżax nitkellem, anke jekk nidher ikrah ma’ xi wħud jew ningħata l-ġenb. Jiena ma dħaltx fil-politika biex inkompli b’din l-istorja! 
Dħalt fil-politika biex l-abjad nibqa’ insejjaħlu abjad u l-iswed isejjaħlu iswed.  

San Ġiljan hu li hu llum - kważi metropoli żgħir.  Fir-realtà ta' din il-lokalità llum x'taħseb li għandu jinbidel? X'taħseb li għandu jiġi protett?  U x'taħseb li għandu jitneħħa?

X’għandu jinbidel? It-tweġiba tiegħi se nagħtiha permezz ta' żewġ mistoqsijiet oħra: “X’irridu minn San Ġiljan jew minn pajjiżna? Lil min iridu nġibu ġo San Ġiljan jew f’Malta? 

Meta nwieġbu dawn il-mistosijiet, allura nifhmu x’iridu inbiddlu u x’hemm bżonn nagħmlu! Biex inkompli nwieġeb: X’tip ta’ turisti rridu fostna? Dawk ta’ kwalità jew rridu biss numri?  Jekk irridu turisti ta’ kwalità, allura hemm bżonn nagħmlu ħafna ħwejjeġ biex inġibu dawn it-turisti u ma jkunux biss ‘one time tourists’ imma jsiru klijenti li jħobbu lil pajjizna. Fl-imgħoddi kellna turisti li kienu jħarsu lejn Malta bħala t-tieni dar tagħhom! Turist ta’ kwalità ifisser mhux biss restoranti, bars u clubs ta’ kwalità imma wkoll infrastruttura ta’ kwalità. Ifisser traffic managment ta’ kwalità. Ifisser bajjiet ta’ kwalità. Ifisser sigurtà ta’ kwalità.  

Minn naħa l-oħra, jekk irridu turisti tal-massa, allura nkomplu nibnu bla gost, inkomplu nieħdu l-bankini, nħallu ż-żibel barra, naqtgħu kull siġra li nsibu, storbju bla rażan, ma nżommux ordni u ma ninfurzaw l-ebda regola biex b’hekk kulħadd jagħmel li  jrid u jieħu gost kemm irid!

X'qed iwaqqaf lil diversi Kunsilli Lokali Maltin milli jagħmlu bħal diversi Kunsilli Għawdxin u jingħaqdu kontra dak li sejħu 'żvilupp eseġerat'?

L-Għawdxin urewna li huma jġibu l-interess ta’ Għawdex qabel l-interessi tal-partit politiċi tagħhom. Sabu dak li jgħaqqadhom ... l-imħabba u l-ġid ta’ Għawdex.  Tajjeb li wieħed jgħid ukoll li minn żmien għall-ieħor ikun hawn anke din l-għaqda wkoll f’Malta. Mhux l-ewwel darba li kunsilli jingħaqdu bejniethom fuq xi applikazzjoni partikolari jew xi inizjattiva. Per eżempju, il-Kunsill ta’ Pemrboke, dak ta’ San Ġiljan u s-Swieqi ingħaqdu flimkien fuq l-applikazzjoni tal-DB. 
Hemm Kunsilli ohra li għamlu l-istess. 

Isir l-argument - kif sar fil-fatt - illi la l-liġi tagħtini d-dritt li nwaqqa' d-dar u nibni blokka flats fi triq partikolari, jiena għandi dritt napplika u għandi dritt nistenna li dak il-permess jgħaddi.  Immaġina tidħol f'dar xi ħadd u jgħidlek hekk, inti x'tgħidlu? Tgħidlu ma tistax tibni għax tkerrah?

L-ewwelnett wieħed irid jifhem u jfiehem li ma hemm l-ebda ‘dritt biex wieħed jibni’ imma hemm biss policies ta’ kif/meta/fejn wieħed jista’ jibni. Nemmen li kif inbiddlu liġijiet sħaħ li ġabu riformi kbar fit-tessut tas-soċjetà jistgħu jinbidlu wkoll dawn policies! Fejn hemm ir-rieda, l-affarijiet isiru. 

Għalhekk nerġa’ ninsisti li hemm bżonn li jkun hemm aġġornar tal-policies.  

Ma nistgħux nibqgħu b’dawn il-policies li qed iwasslu għal ħsara kbira f’kull lokalità. Każ ċar huwa fejn hemm it-terraced houses. Dawn qed jispiccaw jitwaqqgħu biex jinbdew apartmenti minflokom. Dan mhux biss qed ibiddel l-istreetscape tat-triq imma qed jittieħdu l-ġonna ta’ quddiem u wara ta’ dawn id-djar. 

Dan qed iwassal għall-qerda ta’ ġonna sħaħ u għal ġirien li jispiccaw b’ħajt quddiemhom!  

Oħrajn qed jispiċċaw bla xemx. Min għandu pannelli tax-xemx x’se jagħmel?  Għalhekk hemm bżonn li ġonna jkunu protetti u mħarsa. 

Paceville - post storbjuż ħafna għax marbut mad-divertiment. Kif se ssib bilanċ bejn in-natura tad-divertiment u r-residenti ta' Paceville?

Paceville huwa dak li huwa u dan ilu ġej. Nemmen li hemm bżonn ikun hemm aktar bilanċ u rispett bejn il-komunità kummerċjali u dawk il-ftit residenti li baqa’. 

Imma ‘Paceville’ ma jinsabx biss f’Paceville imma jinsab f’San Ġiljan kollu!  Minħabba policy li tgħid li din il-lokalità hija waħda turistika, wieħed jista’ jiftaħ bar/ristorant/guest house fejn irid f’San Ġiljan! Dan qed iwassal biex id-dar ta’ ħdejja ssir bar jew ristorant bl-imwejjed u s-siġġjiet barra,  biex ma nsemmix li jittieħdu l-parkeġġi biex isiru platforms wkoll! 

Jista’ wieħed jimmaġina xi kwalità ta’ ħajja jispiċċaw jgħixu r-residenti tagħna?  Wasal żmien li din il-policy titneħħa u jkun hemm buffer zones bejn ir-residenti u l-kummerċ. 

B’hekk min irid jinvesti jaf li f’dik iż-żona ma jistax jkun hemm l-ebda attività kummerċjali.  Ma jistax ikun li San Ġiljan jispiċċa Paceville kollu fejn ir-residenti jispiċċaw ikollhom jitilqu.

Ma jistax ikun li r-residenti jispiċċaw dejjem l-aħħar. Ma jistax ikun li kull toqba f’San Ġiljan, kull bankina, kull post miftuħ u anke issa l-Bajja tal-Balluta tittieħed biex nagħmlu tajjeb għal kummerċ! Din hija darna u għandha dritt bħal u daqs kulħadd li ngawdu l-ħajja u l-propjetà tagħna fil-kwiet u bir-rispett meħtieġ.  Hija ironika li min jiġi jibni u jagħmel proġetti kbar imbagħad personalment jgħix fil-kampanja bil-veduti sbieħ quddiemu u jgerger meta jsir xi żvilupp quddiemu/ħdejh. 

Barra minn hekk, hemm bżonn li l-komunità kummerċjali tirrispetta lir-residenti tagħna aktar f’dak li għandu x’jaqsam ma’ storbju, ħinijiet ta ftuħ/għeluq u ġbir ta’ skart. 
Din tal-aħħar qed twassal għal skart maħruġ f’ħinijiet li mhux suppost. Kull bar/ristorant għandu bil-liġi jkollu kollettur privat biex jiġbor l-iskart. Dan mhux qed iseħħ. Il-Kunsill jiġbor biss skart residenzjali u mhux dak kummerċjali! Nagħmel appell lill-MTA u lill-ERA biex jagħmlu infurzar tal-liġi għaliex l-iskart barra mhux biss huwa ta’ ħsara lir-residenti imma anke lit-turisti li jiġu fostna! Għaldaqstant huwa fl-interessi ta’ kulħadd li jkun hemm aktar armonija u kwalità ta’ kummerċ. Nemmen ukoll li l-Kunsill Lokali, bħala l-Gvern tal-lokalità, għandu jkollu aktar saħħa biex jara li jkun hemm infurzar u tmexxija aħjar! Hija ironika li filwaqt li niftaħru li nagħtu l-importanza lill-Kunsilli, imbagħad nispiċċaw neħdulhom is-saħħa li jieħdu ċertu deċizjonijiet. Eżempju ċar huwa fejn jidħlu l-kwistjonijiet tal-imwejjed u siġġijiet. Il-Kunsill jaf sew il-lokalità u fejn dawn huma tajbin u fejn mhumiex. 
Ma jistax ikun li hija l-PA minn wara skrivanija li tieħu deċizjoni u tiġi taqa’u  tqum minn dak li jgħid il-Kunsill. Hemm bżonn li f’dan ir-rigward, l-aħħar kelma tkun tal-Kunsill. 

More in Politika