Editorjal | Is-saħħa mhux maż-żgħir... il-vulnerabbli ma jista' qatt iħallas għad-dnubiet ta' min jabbużah!

Jekk Muscat ma kellu xejn, kellu l-għaqal u l-paċenzja u diplomazija stellari. Kienu dawn li ħarġuh minn kull saram.  Qatt ma qal jew deher li qed jgħid kontra nies bħal Daphne Caruana Galizia jew Repubblika, qatt ma konfrontahom.

Għalxejn ngħidu li aħna Soċjalisti jew xellugin, jekk meta niġu għal-ħajja tal-vulnerabbli se nilgħabu.  Jekk il-ħajja se ssir xi ħaġa li nistgħu ninegozjaw, se nkunu qed nagħmlu żball enormi - morali u etiku qabel xejn.

Din il-gazzetta temmen fil-wens liż-żgħir u żgħir m'għandux kulur, reliġjon, sesswalità, nazzjonalità.  Għandu biss it-tbatijiet li qed jistenna li jinqasmu u jintrefgħu minn xi ħadd.

Il-Forzi Armati ta' Malta qed jagħmlu xogħol impekkabbli f'dan il-qasam u fil-gazzetta ILLUM qed nuru li mill-2013 ġew salvati 13,000 persuna. Immaġina kieku minflok għamilna dak li hu sew u salvajnihom, ħallejnihom jgħerqu.  Kieku għandna d-demm ta' 13,000 persuna fuq idejna.
Aħna nifirħu u nappoġġjaw lill-Forzi Armati ta' Malta tax-xogħol siewi li qed jagħmlu, għal 13,000 darba  - għal kull persuna li salvaw - ngħidu prosit!  Imma nappellaw: Tħallux nies jgħerqu! Tħallux in-nies imutu! Tkunux bully maż-żgħir!  Tkunux bully ma' min m'għandux leħen!
L-appell ukoll lill-Gvern. Dan il-pajjiż dejjem qegħda d-dmir morali li jsalva lin-nies, il-ħidma mbierka taż-żminijiet moderni.  Tkunx bully maż-żgħir!
Naqblu li l-UE mhijiex qed tkun solidali ma' pajjiżna, nappoġġjaw lill-Gvern fir-rabja li jesprimi, pero għall-iżbalji tal-kbir, m'għandu qatt jeħel u jħallas iż-żgħir, inkella x'soċjaliżmu nkunu qed nipprattikaw?

Repubblika u l-Prim Ministru

Ħafna drabi - jekk mhux dejjem - il-messaġġ u l-messaġġier u l-irwol separat ta' kull wieħed jiġu sfukati xi ftit, fejn il-messaġġ ikun importanti daqs il-messaġġier u persuna tagħti kredibilità lil dak il-messaġġ, daqs kemm tagħti lill-messaġġier.

L-aqwa eżempju hija l-midja, mhux biss tradizzjonali, imma anke dik li mhijiex. Persuna lesta temmen il-messaġġ ta' Kamra tal-Aħbarijiet daqs kemm temmen u tirrispetta persuna li qed tibgħat u tgħaddi l-messaġġ.

Repubblika nħolqot mal-medda tax-xhur wara li kienu bdew id-dimostrazzjonijiet li jitlolbu ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia, minn dik li kienet tissejjaħ Civil Society Network.  Repubblika ħadet aktar il-qagħda ta' għaqda li tipproponi u tieħu azzjoni lilhinn minn protesti u dimostrazzjonijiet biss, biex bil-mod, il-mod qed issir kważi l-Oppożizzjoni mhux uffiċjali ta' Gvern Laburista.

Wieħed jista' u għandu dritt jagħti kull tikketta lil Repubblika, sakemm tkun diċenti u fil-parametri tal-liġi.  Tista' tarahom bħala 'tradituri, 'xewwiexa', 'imdejqin', 'jobgħodu l-progress', 'l-għadu tal-Labour' ... tarahom kif tarahom f'din l-aħħar sena tista' tgħid iżda illi bil-PN maqsum u bi ftit li xejn direzzjoni, Repubblika serviet ta' l-unika u l-eqqel oppożizzjoni fil-pajjiż.  Huwa għalhekk li ħafna persuni li jivvutaw lill-Partit Laburista, Repubblika - ġustament jew le - iddejjaqhom ħafna u jikkritikawha ħafna.   Huwa għalhekk li qegħdin f'sitwazzjoni kważi assurda li l-attivisti tal-Gvern qed jikkritkaw lil għaqda politika, ħafna iktar mill-avvesrajru politiku.

Ważda mid-dimostrazzjonijiet organizzati minn Repubblika
Ważda mid-dimostrazzjonijiet organizzati minn Repubblika

Jekk xejn il-preżenza, l-istqarrijiet u l-appoġġ li għandha minn ħafna persuni li jivvutaw jew saħansitra qegħdin fil-PN, juri kemm l-Oppożizzjoni li hemm illum hija inadekwata u frankament, irrelevanti.

It-tieni ħaġa hija li kemm qabel u anke issa, il-messaġġ ta' Repubblika jew għallinqas il-ħsieb wara l-messaġġ kien tajjeb. Iva l-governanza hija importanti, iva huwa importanti li kull min xogħolu huwa li jkun ta' servizz għall-poplu jopera lilhinn minn kull dubju u dell politiku, iva huwa importanti li ssir il-ġustizzja f'kull każ u dejjem, inkluż fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.  Tant huma rilevanti dawn l-għajtiet li żewġ Ħdud ilu żvelajna kif il-Gvern stess se jwettaq miżuri biex isaħħaħ il-governanza u t-trasparenza.

Il-problema ta' Repubblika tibqa' waħda - li kważi dawk in-nies kollha li jitkellmu f'isimha kienu parti, jew parti intrinsika minn establishment.  Manuel Delia kien ħobża u sikkina mal-iktar Ministru arroganti li kellu Gvern Nazzjonalista li taħtu seħħ wieħed mill-akbar skandli ta' korruzzjoni taħt dak il-Gvern. Tant kien parti mis-sistema, li ingħata r-responsabilità tar-riforma fit-trasport pubbliku - qassata jekk qatt kien hemm waħda.  Għandu kull dritt jgħid dak li jrid.  U jista' jkun li dak illi qed jgħid huwa minnu. Imma, kif bdejna l-editorjal, il-messaġġ u l-messaġġier huma ħaġa waħda.

L-istess dawk illi f'25 sena kienu Kunsilliera mal-Partit Nazzjonalista, li huma tfal tal-eks PM Nazzjonalisti, dawk li Gvern Nazzjonalista ħatar ambaxxaturi u Deputati tal-PN.  Daqs kemm jista' jkun li dawn lkoll għandhom messaġġ tajjeb, daqstant ieħor għandu raġun min jirrimarka li dawn f'25 ta' Gvern Nazzjonalista jew ma qalu xejn, jew m'għamlu xejn jew inkella agħar minn hekk ħadu gost ibiċċru l-karattru, jgħajru u jagħtu l-ġenb lil dawk kollha li kienu whistleblowers ta' allegata korruzzjoni.  Kif ma qalu xejn meta kien qed jinbena l-Mater Dei? Meta ħareġ l-iskandlu taż-żejt? Meta Prim Ministru ta maħfra lil kriminal gwapp u mar jiltaqa' miegħu? Meta il-Gvern rrazjonalizza l-konfini tal-iżvilupp? Jew meta Ministru li bagħtu immigranti lura għal mewt?  Jew meta artijiet  - bħal Fekruna - ingħataw biċ-ċiċri?

In-nies ma nsewhomx u minkejja d-dnubiet ħoxinin tal-Gvern ta' Joseph Muscat, dnubiet li min jgħożż il-governanza u dak li huwa ġust ma jistax jinsa', dak li ġara qabel u dawk li kellhom subgħa fit-torta ma jistgħux jiġu llum jilgħabuha tas-safja.

Biex tkompli żżid l-antipatija lejha, għalkemm leali lejn dak li qed jippriedkaw, illum Repubblika ħaditha kontra Adrian Delia u wieħed jista' jasal għall-konklużjoni illi kieku Repubblika toħroġ għall-elezzjoni d-disfatta għall-PN tkun kważi mortali.

Jiġifieri meta nhar il-Ġimgħa filgħaxija l-PM mar fuq ix-xandir tal-istat jitkellem dwar Repubblika kien jaf l-antipatija li għandu l-maġġoranza tal-poplu għal Repubblika u nies bħal Manuel Delia u Jason Azzopardi.  Kien jaf li iktar se tiżdied ir-rabja għal Repubblika u iktar se tkun iżolata, speċjalment issa li ma tistax tinżel fit-toroq.

Il-PM jeħtieġ joqgħod attent iżda li ma jisħnux l-irjus, l-ewwel nett għax hija r-responsabilità tiegħu li jagħmel hekk u t-tieni nett lanqas poltikament ma jaqbillu.

Jekk Muscat ma kellu xejn, kellu l-għaqal u l-paċenzja u diplomazija stellari. Kienu dawn li ħarġuh minn kull saram.  Qatt ma qal jew deher li qed jgħid kontra nies bħal Daphne Caruana Galizia jew Repubblika, qatt ma konfrontahom. Dik hija abilità, mhux nuqqas tagħha.
Repubblika tagħmel sew li waqt li l-PN stordut, tibqa' tiġbed l-attenzjoni u taqdi l-irwol ta' oppożizzjoni  Għandha dejjem tagħmel iżda dan b'rispett sħiħ lejn il-pajjiż u l-benesseri tiegħu!

More in Politika