'Id-dgħajsa tal-bieraħ kienet eċċezjoni ... jekk l-UE ma tgħinx aħna se niddefendu xtutna'

Il-PM Robert Abela jammetti li d-deċiżjoni li jingħalqu l-portijiet hija diffiċli ... numru ta' NGOs jgħidu li huma xxukjati bid-deċiżjoni tal-Gvern

Robert Abela (Arkivji)
Robert Abela (Arkivji)

Waqt li kien qed jiġi intervistat fuq l-istazzjon ONE il-Prim Ministru Robert Abela reġa sostna li Malta mhux se ddaħħal aktar immigranti u pajjiżna lanqas jista' jiggarantixxi li fil-fatt joħroġ għal salvataġġ.  Huwa qal li din hija deċiżjoni bla preċedent meħuda fi żmien ta' gwerra u allura hija proporzjonata.  Madanakollu ametta li hija deċiżjoni diffiċli li jaf ikollha riperkussjonijiet.  

Huwa qal li jekk l-UE mhux lesta tgħin lil Malta "aħna lesti li niddefendu xtutna."

"Din id-dgħajsa," sostna b'referenza għad-dgħajsa li daħlet ilbieraħ, "daħlet b'eċċezzjoni għax fil-mument li ħadna deċiżjoni bħala Kabinett kienet diġa' fiż-żona ta' Tfittxija u Salvataġġ (SAR) u mhux se jiġu aċċettati aktar bastimenti.  Mhux qed nagħmlu U turn."

Fakkar li lura fit-3 ta' April il-Gvern iddeċieda  li kull vapur bl-immigranti jrid imur fejn dak il-bastiment tal-NGOs huwa reġistrat u sostna li l-Gvern, din id-deċiżjoni ma biddiliex. 

"Minħabba ċ-ċikorstanza eċċezzjonali qed nieħdu miżuri."

Dwar l-imxija tal-Covid-19 huwa qal li hemm bżonn id-dixxiplina u saħaq li jekk kulħadd se joħroġ u jmur fil-bajjiet, il-Gvern se jżid il-miżuri.  Qal li l-ġimgħatejn li ġejjin se jkunu kruċjali.

'Ixxukkjati'

Intant numru ta' għaqdiet qalu illi d-deċiżjoni tal-Gvern li jagħlaq il-portijiet - xi ħaġa li ħabbar ilbieraħ wara li daħlet dgħajsa bl-immigranti - hija xokkanti u se tfisser jew li nies jitħallew fil-baħar għal ġranet sħaħ jew ġimgħat "jew inkella r-ritorn tagħhom fil-Libja fejn jiffaċċjaw ksur sfaċċat tad-drittijiet tagħhom." 

Dawn l-għaqdiet non governattivi qalu li hija "inaċettabbli" li l-Gvern, skonthom, ipoġġi fuq l-ixkaffa l-obbligazzjonijiet umani tiegħu. 

Fi stqarrija huma qalu li jifhmu l-isfidi tal-pajjiż minħabba l-Covid-19 u fakkru li huwa dmir ta' kulħadd li jobdi lill-awtoritajiet.  Qalu iżda illi l-emerġenza ta' bħalissa mhijiex raġuni tajba biżżejjed biex il-Gvern ma jonorax l-obbligi tiegħu. 

"Nibżgħu li Malta qed tuża din il-kriżi  biex iċċaħħad lill-immigranti mid-dinjità tagħhom."

 

More in Politika