Uffiċjali se jgħixu ġimgħa fil-Faċilità Korrettiva biex jonqos ir-riskju li jidħol il-coronavirus fil-ħabs

Il-faċilità qatgħet iż-żjarat numru ta’ ġimgħat ilu u minn hemm bdiet tuża mezzi oħra biex il-priġunieri jkunu jistgħu jikkomunikaw ma’ barra

Il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurta Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi qal li dalgodu 130 uffiċjal tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi daħlu jirrapportaw għal ġimgħa ta’ xogħol konsekuttiva fejn l-uffiċjali se jgħixu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Din hija miżura oħra li qed jittieħdu fil-faċilità bl-għan li jkun miġġieled it-tixrid tal-Covid-19.

Il-ħsieb wara din il-miżura hu li, f’mument fejn kien hemm żieda fil-każi tal-Covid-19, tonqos l-espożizzjoni għad-dinja ta’ barra fil-faċilità, bil-ħaddiema jinbidlu biss darba f’ġimgħa minflok kuljum. 

“Dan il-pass, li sar skont pjan taħt id-direzzjoni tat-tmexxija tal-faċilità, juri li fil-faċilità korrettiva wkoll għandna korp dixxiplinat li lest iqum għall-okkażjoni kull darba li l-pajjiż isejjaħlu. Din il-miżura hi biss simbolu tax-xogħol fi skiet li jsir ta’ kuljum wara l-bibien ta’ din il-binja,” qal il-Ministru Byron Camilleri. 

Il-faċilità qatgħet iż-żjarat numru ta’ ġimgħat ilu u minn hemm bdiet tuża mezzi oħra biex il-priġunieri jkunu jistgħu jikkomunikaw ma’ barra, filwaqt li ttieħdu wkoll numru oħra ta’ miżuri, partikolarment dawk iffukati fuq l-indafa u l-iġjene fil-faċilità.

More in Politika