35 persuna jinqabdu f'ġemgħat ta' aktar minn tliet persuni; Sid ta' ħanut f'Bormla jeħel €3,000

Għar-raba’ ġurnata konsekuttiva, ħadd ma nqabad jikser il-kwarantina obbligatorja

35 persuna nqabdu f’ġemgħa ta’ aktar minn tliet persuni u ngħataw multa ta’ €100 kull wieħed hekk kif il-Pulizija kompliet bir-rondi tagħha biex tassigura li kulħadd isegwi l-istruzzjonijiet tal-Gvern.

Madakollu, fuq nota pożittiva, għar-raba’ ġurnata konsekuttiva, ħadd ma nqabad jikser il-kwarantina obbligatorja hekk kif saru 502 spezzjonijiet  fl-aħħar 24 siegħa.

Mill-banda l-oħra, stabbiliment f’Bormla nqabad iservi x-xorb li diversi klijenti waqt l-ispezzjonijiet li qed isiru minn uffiċjali tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Sid il-ħanut ġie mmultat €3,000 talli kiser ir-regolamenti li jżomm il-bibien tiegħu magħluqa bħala parti mill-miżuri biex tiġi kkontrollata l-firxa tal-imxija tal-Covid-19. 

B’kollox fl-aħħar 24 siegħa saru 370 spezzjoni biex b’hekk it-total ta’ spezzjonijiet s’issa qabeż is-16,000. 

Wieħed jista’ jirrapporta abbużi fuq in-numru 21692447

More in Politika