Oħt Frank Portelli tmut bil-coronavirus f'Londra; Jappella biex ħadd ma jabbuża

Rosalie Freestone-Bayes kellha 77 sena u skont Frank Portelli ħadet il-virus wara li daħlet fi sptar biex tagħmel xi testijiet

Rosalie Freestone-Bayes, oħt it-Tabib Frank Portelli, tilfet ħajjitha kawża tal-coronavirus u dan wara li ttieħdet mill-virus meta kienet rikoverata fi sptar f’Londra.

Freestone-Bayes kellha 77 sena u kienet tbati mid-dijabete u anke mill-pressjoni għolja.

L-eks President tal-Partit Nazzjonalista ħabbar il-mewt ta’ oħtu fuq Facebook u aktar tard, meta tkellem ma’ The Times of Malta, Portelli saħaq li oħtu ma kellix kundizzjonijiet mediċi serji.

Jidher, skont Portelli, li oħtu daħlet l-isptar biex tagħmel xi testijiet tal-qalb u kien hemm li ħadet il-virus.

“J’Alla din isservi ta’ lezzjoni għal dawk li għandhom ‘il fuq minn 60 sena u li għandhom kundizzjoni mediċi bħad-dijabete u l-pressjoni. Il-virus jista’ joqtol kif għamel lil oħti,” saħaq Portelli.

Kompla jirrakkonta kif oħtu kienet tħobb tkun ħafna man-nies, iżda mietet waħedha f’iżolament għax lanqas iż-żewġ uliedha ma setgħu jżuruha.

“Irridu nieħdu din is-sitwazzjoni bis-serjetà,” saħaq Portelli. “Il-virus mhux se jħares lejn l-uċuh. Jattakka l-aktar punti debboli tal-persuna. Attakka lill-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson, lill-Prinċep Karlu u jista’ jinfetta lil kulħadd,” insista t-Tabib.

More in Politika