L-immigranti kollha fiċ-ċentru miftuħ ta' Ħal Far fi kwarantina obbligatorja

Il-Ministru Fearne jgħid li hemm tmien każi f'dan iċ-ċentru u ċ-ċans huwa li l-Covid-19 infirex

Waqt konferenza tal-Aħbarijiet il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar illi l-immigranti fiċ-Ċentru Miftuħ ta' Ħal Far se jkunu kollha taħt kwarantina mil-lejla.

Huwa ħabbar dan wara li l-Covid-19 inxterdet fiċ-ċentru miftuħ ta' Ħal Far hekk kif instabu tmien każi u hemm possibilità, jidher mit-testijiet li saru u li qed isiru, illi dan qed ikompli jinfirex. 

Din il-kwarantina se tkun mandatorja, se ddum 14-il jum u se tolqot ftit aktar minn 1,000 persuna li jgħixu f'dan iċ-ċentru miftuħ u normalment għandhom id-dritt li jidħlu u joħorġu minn dan il-post liberament. 

Huwa qal li dan jimxi mal-linja tal-miżuri kollha li qed jieħu l-Gvern biex ifiequ aktar pazjenti u biex il-poplu kollu jikkoopera mad-direttivi.  Fearne fakkar li ħadd m'għandu joħroġ ħlief għall-bżonnijiet u qadjiet essenzjali. Iktar tard, fl-istess konferenza, wieġeb dwar messaġġi meqjusin kunfliġġenti tiegħu u tal-Prim Ministru.

Il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri qal illi din il-kwarantina se tkun infurzata kif tkun dejjem ma' kwalunkwe persuna oħra, għalkemm ammetta li minħabba illi n-numru ta' residenti huwa kbir dan se jpoġġi lill-forzi tal-ordni taħt ħafna stress.

Camilleri - li fakkar illi dan il-post qatt ma kien mibni bħala ħabs u allura m'hemmx faċilità tajba ta' fencing - qal illi l-aqwa għodda se tkun il-komunikazzjoni biex dawn jifhmu li dak li qed isir, qed isir għalihom u għal saħħithom.

Camilleri qal illi kull persuna pożittiva fiċ-ċentru kienet segregata mill-bqija. 

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci għamlet elenku tat-tmien każi u qalet illi mill-istudju tal-assesjar tar-riskji joħroġ ċar li hawnhekk il-Covid-19 jista' jinxtered aktar għaliex, apparti li persuni jorqdu fl-istess kabini, ir-residenti qegħdin jissoċjalizzaw fl-istess spazju. 

 

More in Politika