Seba' persuni pożittiv għall-coronavirus; Waħda mill-pazjenti daħlet Mater Dei biex twelled

Pazjent ieħor huwa residenti fiċ-Ċentru Miftuħ ta' Ħal Far u sitt persuni li jorqdu fl-istess kamra miegħu tpoġġew fi kwarantina

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, spjegat kif mill-bieraħ 'l hawn saru 749 test u seba' persuni rriżultaw pożittiv għall-coronavirus biex hekk sa issa Malta kellha 202.

Fost il-każi l-ġodda kien hemm kollega tal-ħaddiem tal-Lidl ta' Ħal Safi, resident taċ-Ċentru Miftuħ ta' Ħal Far u anke persuna li daħlet Mater Dei biex twelled.

Dwar il-kollega tal-ħaddiem tal-Lidl, Charmaine Gauci spjegat kif din taħdem fl-istess xift mal-pazjent l-ieħor u bdiet bis-sintomi wara li ttieħdu l-passi u ngħalaq l-istabbiliment. Is-sintomi ħarġulha fl-1 ta' April u ħadmet l-aħħar fit-30 ta' Marzu.

Dan ifisser li s-sintomi ħarġu wara li ttieħdu l-passi, ingħalaq l-istabbiliment u l-kollegi tpoġġew fi kwarantina. Għaldaqstant ir-riskju jibqa' wieħed minimu anke għax il-kuntatt mal-klijenti huwa wieħed qasir ħafna.

Gauci kompliet tispjega li l-istabbiliment wettaq it-tindif kollu neċessarju skont l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa u issa reġa' fetaħ il-bibien tiegħu. Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika serħet ras il-klijenti li ma hemm l-ebda riskju addizzjonali.

Il-każ tan-Niġerjan residenti fiċ-Ċentru Miftuħ ta' Ħal Safi

Spjegat ukoll dwar il-każ tan-Niġerjan ta' 33 sena li jgħix fiċ-Ċentru Miftuħ ta' Ħal Far. Charmaine Gauci spjegat kif dawk kollha li jorqdu fl-istess kamra tiegħu, jiġifieri sitt persuni tpoġġew fi kwarantina u ma jidhirx li kellu kuntatt ma' residenti oħrajn.

Kompliet tispjega kif dan l-immigrant kien għadda minn inċident u għalhekk ma kienx qiegħed imur għax-xogħol u lanqas joħroġ u għalhekk ma kienx hemm ħafna espożizzjoni barra miċ-Ċentru.

Qed isir ukoll kuntatt mal-persuni li jaħdmu f'dan iċ-ċentru.

Il-każ tal-peruna tqila

Kull persuna li qed tidħol Mater Dei qed isirilha screening għall-coronavirus. Kien hawn li Taljana li tgħix Malta u li għandha 36 sena rriżultat fil-pożittiv għall-coronavirus.

Din il-persuna daħlet Mater Dei biex twelled. Il-kundizzjoni tas-saħħa tagħha hija tajba.

Sitwazzjoni fl-isptarijiet

Waħda mill-pazjenti li kienet rikoverata fit-Taqsima tal-Kura Intensiva ta' Mater Dei issa ħarġet u tinsab fl-Infection Disease Unit.

L-anzjan ta' 72 sena, li kien f'qagħda kritika għadu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.

Fl-Infection Disease Unit ta' Mater Dei hemm tmien pazjenti, u fl-isptar St. Thomas hemm 16-il pazjent. Il-bqija tal-pazjenti jinsabu d-dar.

B'kollox sa issa saru 9,043 test f'Malta.

Il-każi l-ġodda

Każi relatati ma' safar

  • Raġel ta' 55 sena. Jgħix l-Ingilterra iżda niżel lura Malta. Kien fi kwarantina
  • Maltija ta' 62 sena. Kienet l-Awstralja u waslet Malta mill-Ingilterra. Kienet fi kwarantina u kellha biss kuntatt ma' persuni li jgħixu magħha
  • Tfajla ta' 28 sena. Taħdem l-Ingilterra u kienet fuq cruise. Qabel niżlet Malta għamlet jumejn l-Ingilterra. Bdiet bis-sintomi fl-istess ġurnata li ġiet lura. Qed isir contact tracing mal-passiġġiera li kienu magħha fuq l-ajruplan
  • Raġel ta' 55 sena. Relatat ma' żewġ pazjenti oħra li kienu ġew mill-Ingilterra. Kien fi kwarantina

Trasmissjoni lokali

  • Maltija ta' 23 sena li taħdem mal-ħaddiem tal-Lidl ta' Ħal Safi li rriżulta pożittiv din il-ġimgħa. Ħarġulha s-sintomi wara li l-istabbiliment kien magħluq, tpoġġew fi kwarantina l-kollegi tal-istess xift u ttieħdu l-miżuri kollha neċessarji mill-awtoritajiet tas-saħħa
  • Niġerjan ta' 33 sena residenti fiċ-Ċentru Miftuħ ta' Ħal Safi. Ma kienx qed joħroġ, lanqas għax-xogħol minħabba inċident li kellu. Il-persuni li jgħixu miegħu fl-istess kamra tpoġġew fi kwarantina. Qed isir kuntatt mal-kollegi
  • Taljana li tgħix Malta ta' 36 sena. Kienet se twelled tarbija ċesarja u bħalma jsir lill-pazjenti kollha li jidħlu Mater Dei sarilha t-test u rriżultat pożittiv. Ma kinitx qed tmur għax-xogħol u qed isir kuntatt mal-familja.

More in Politika