13-il każ ġdid ta' coronavirus f'Malta; Ħamsa mill-każi huma kollha relatati ma' pazjent wieħed

Żewġ persuni ħarġu mit-Taqsima tal-Kura Intensiva iżda żewġ pazjenti oħra għadhom rikoverati fl-ITU, b'anzjan minnhom jinsab f'qagħda kritika

Fl-aħħar 24 siegħa, saru 563 test u b'kollox 13-il persuna rriżultat pożittiv għall-coronavirus biex hekk it-total tal-każi tela' għal 169.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci spjegat kif il-pazjenti kollha l-ġodda jinsabu f'qagħda tajba ta' saħħa, filwaqt li żewġ persuni għadhom rikoverati fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, b'wieħed minnhom, anzjan ta' 72 sena għadu f'qagħda kritika.

Intant, mill-każi l-ġodda, tmienja huma każi ta' trasmissjoni lokali filwaqt li l-bqija huma relatati ma' safar.

Fost il-pazjenti l-ġodda hemm ukoll tifla ta' tmien snin u anke ħames persuni li kollha huma relatati ma' pazjent ieħor li rriżulta pożittiv fil-ġranet li għaddew.

Għalhekk, mill-każi l-ġodda, kien hemm dik li tissejjaħ second generation trasmission, fejn persuna għadda l-virus lil persuni oħra u dawn l-istess persuni għaddewha lil oħrajn. "Din hija xi ħaġa li aħna qed nipprovaw nikkontrollaw għax hekk jiġri l-virus," spjegat Charmaine waqt li tennet l-appell tagħha min ikun ma jiflaħx ma jmurx ix-xogħol.

Każijiet ġodda

Trasmissjoni lokali

  • Ħames persuni li huma kollha kemm huma relatati ma' pazjent ieħor, li meta kellu s-sintomi kien baqa' jmur għax-xogħol. Fil-fatt kien sar il-contact tracing, fejn saru t-testijiet fuq il-kollegi tiegħu li kellhom is-sintomi. Minn dawn tlieta rriżultaw fil-pożittiv u kien hemm żewġ persuni oħra li jiġu minn dawn it-tliet persuni u li ttieħdu minnhom. Għalhekk, f'dan il-każ, kien hemm dik li tissejjaħ second generation trasmission, fejn persuna għadda l-virus lil persuni oħra u dawn l-istess persuni għaddewha lil persuni oħra. 
  • Mara ta' 72 sena u raġel ta' 75 sena li huma l-ġenituri ta' pazjent ieħor. Kienu fi kwarantina u ma kellhomx kuntatt ma' persuni oħra
  • Tifla ta' tmien snin li hija bint persuna oħra li fl-aħħar jiem irriżultat pożittiv għall-coronavirus

Relatati ma' safar

  • ​Żewġ aħwa ta' 18 u 21 sena. Huma Ingliżi li għandhom qraba jgħixu Malta. Huma ġew Malta ħdejn il-qraba tagħhom. Dawn kienu fi kwarantina. Qed isir kuntatt mal-passiġġiera li kienu magħhom fuq l-ajruplan
  • Raġel ta' 24 sena u ieħor ta' 21 sena. Relatati ma' pazjent ieħor li kien ġie mill-Ingilterra. Qed isir ukoll contact tracing mal-passiġġiera li kienu magħhom fuq it-titjira
  • Mara ta' 48 sena. Kienet il-Marokk. Din il-persuna kienet fl-istess grupp ma' pazjenta oħra li fl-aħħar jiem kienet irriżultat pożittiv. Għalhekk sar ukoll kuntatt anke mal-kumplament tat-tour.

More in Politika