Ħames persuni pożittivi għall-coronavirus; Saru numru rekord ta' testijiet

B'kollox saru 637 test li huwa l-ogħla rata ta' testijiet sa issa

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, spjegat kif fl-aħħar 24 siegħa, wara li saru numru rekord ta' 637 test, ħames persuni rriżultaw pożittiv għall-coronavirus.

Dan ifisser li issa, Malta għandha total 156 każ, li minnhom tnejn minnhom huma magħluqa għax żewġ pazjenti fiequ għal kollox.

Fost il-każi l-ġodda tal-lum, hemm ħaddiem tas-saħħa li kien ilu diversi jiem bis-sintomi u xorta waħda mar għax-xogħol u għalhekk qed isir kuntatt mal-kollegi u pazjenti li ġew f'kuntatt miegħu.

Anke jekk għat-tielet ġurnata Malta kellha numru baxx ta' każijiet ġodda, Charmaine Gauci appellat biex kulħadd jibqa' jsegwi l-miżuri għax il-pajjiż għadu fil-bidu tal-kurva u għalhekk, anke jekk ftit ftit, il-każi se jibqgħu jiżdiedu.

Il-maġġoranza tal-pazjenti jinsabu f'qagħda stabbli u tajba. Erba' pazjenti għadhom rikoverati fit-Taqsima tal-Kura Intensiva ta' Mater Dei, b'pazjent wieħed ta' 72 sena, jinsab f'qagħda kritika.

Apparti dawn, ħames persuni jinsabu rikoverati fl-Infection Disease Unit, 17 fl-isptar Saint Thomas u l-bqija jinsabu f'iżolament fid-dar tagħhom.

Il-każijiet ġodda

Tliet każijiet relatati mas-safar

  • Malti ta' 30 sena. Kien il-Messiku u beda bis-sintomi dakinhar li wasal lura. Kien fi kwarantina. Qed isir kuntatt mal-passiġġiera li kienu miegħu fuq l-ajruplan
  • Maltija ta' 64 sena. Kienet l-Ingilterra. Kellha biss sintomu ta' nuqqas ta' xamm. Kienet fi kwarantina
  • Ħaddiem tas-Saħħa ta' 30 sena. Ġie lura fl-10 ta' Marzu u dak iż-żmien il-kwarantina ma kinitx għada mandatorja, Huwa mar ix-xogħol bis-sintomi u għaddej il-kuntatt mal-kollegi, il-pazjenti u l-qraba. 

Trasmissjoni lokali

  • Maltija ta' 35 sena. La kienet imsiefra u lanqas kellha kuntatti ma' persuni msiefra. Tgħix ma' żewġ membri tal-familja li kellhom xi sintomi. Il-mara qatt ma marret ix-xogħol bis-sintomi.
  • Maltija ta' 44 sena. Ma kinitx imsiefer. Kellha sintomi wieħed ta' nuqqas ta' togħma. Għaddej il-kuntatt mal-kollegi tagħha għax kienet fuq ix-xogħol.

'Toħroġx jekk ma tiflaħx'

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika saħqet li kien hemm xi każi fejn persuni li għamlu t-test, qabel waslilhom ir-riżultat, dawn ħarġu.

"Din hija riskjuża ħafna," saħqet Gauci waqt li appelatilhom biex jibqgħu ġewwa.

Fi kliemha, anke jekk it-test tar-riżultat ikun wieħed negattiv, persuni ma jifilħux ma għandhomx joħorġu.

Tħoss li int persuna vulnerabbli u ma rċevejtx l-ittra mill-awtoritajiet?

Gauci qalet ukoll li kien hemm persuni li qed jisħqu li jaqgħu taħt il-kategorija ta' persuni vulnerabbli li skont il-liġi issa ma għandhomx joħorġu mid-dar, ħlief għal neċessitajiet importanti bħax-xiri tal-ikel u l-mediċina.

Għal dan il-għan, dawn jistgħu jibgħatu imejl fuq: [email protected].

Għalhekk persuna li taħseb li taqa' f'din il-kategorija u ma semgħet xejn mill-awtoritajiet tas-saħħa, dawn għandhom jibagħtu imejl u jibgħatu mal-istess imejl scan jew ritratt tal-kartuna s-safra.

More in Politika