Lockdown għal dawk kollha 'l fuq minn 65 sena, morda, nisa tqal u oħrajn mis-Sibt li ġej

Il-Ministru Fearne iħabbar lista ta' nies li bilfors iridu jibqgħu d-dar minn nhar is-Sibt

Waqt Konferenza tal-Aħbarijiet il-Ministru tas-Saħħa u Deputat Prim Ministru Chris Fearne ħabbar 'lockdown'  - u allura spjega li ma jistgħux joħorġu b'liġi - dawk kollha 'l fuq minn 65 sena, dawk kollha li għandhom mard kroniku - jiġifieri dijabetiċi u li qegħdin fuq l-insulina, dawk kollha li għaddew minn kanċer u kimoterapija, min għandu mard respiratorju, mard tal-qalb, kull min għandu l-HIV kif ukoll magħhom nisa tqal u kull min jinsab fuq steroids. 

Dawn kollha  - li jitlgħu għal madwar 118,000 persuna  - qed jintalbu jibqgħu d-dar u saħansitra ma jmorrux għax-xogħol.  Għalhekk se jingħataw leave tal-kwarantina.  Fearne qal illi dawn jistgħu biss joħorġu biss għal appuntamenti l-isptar.

Din il-miżura se tidħol fis-seħħ mis-Sibt filgħodu u l-Ministru sostna li dan qed isir għall-ġid ta' saħħet il-vulnerabbli. 

Fearne kompla jgħid illi kull min jgħix ma' persuni vulnerabbli wkoll jeħtieġ jibqa' ġewwa jew inkella ibiddel ir-residenza tiegħu. 

Hu qal ukoll li  mhux se jkun hemm pieni, għalkemm il-Gvern qed jitlob u jappella għall-kooperazzjoni mill-pubbliku.  "Imma jekk ikollna l-problemi ndaħħluhom ukoll il-pieni." 

Ma jistgħux jiltaqgħu gruppi ta' aktar minn ħamsa minn nies

Intant il-Ministru Fearne, bis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci ħdejh, qal ukoll li b'liġi b'effett immedjat ma jistgħux jiltqagħu nies fi gruppi ta' aktar minn ħamsa.

Il-pulizija se jkollhom kull dritt bil-liġi li jferrxu tali gruppi li jiltaqgħu fil-pubbliku.

 

 

 

More in Politika