Ħames każijiet ġodda ta' coronavirus; Total ta' 134 każ

L-anzjan ta' 61 sena qed iħossu aħjar

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci qalet li fl-aħħar 24 siegħa, mit-testijiet li saru, ħames persuni rriżultaw pożittiv għall-coronavirus, biex issa l-każi telgħu għal 134 b'żewġ persuni minnhom ifiequ għal kollox.

Il-Professur Gauci qalet ukoll li l-anzjan ta' 61 sena, li kellu xi kumplikazzjonijiet, kawża tal-Covid-19, għadu jinsab rikoverat fit-Taqsima tal-Kura Intensiva iżda qiegħed iħossu aħjar.

Spjegat li fl-aħħar sigħat infetaħ ċentru ieħor f'Malta u ieħor f'Għawdex biex issa t-testijiet qed isiru fi tliet bnadi. Hekk l-awtoritajiet tas-saħħa se jkunu jistgħu jżidu t-testijiet li jsiru, jidentifikaw każi ġodda aktar kmieni u jkun jista' jsir contact tracing, iżolament u kwarantina mandatorja b'mod aktar effettiv.

Mill-każi l-ġodda, tlieta huma relatati ma' safar, filwaqt li tnejn huma każijiet ta' trasmissjoni lokali

Każijiet relatati ma' safar

  • Griega ta' 28 sena li tgħix Malta. Kienet Ċipru. Bdiet bis-sintomi l-għada li waslet u għalhekk qed isir il-contact tracing mal-persuni li jaħdmu magħha
  • Malti ta' 60 sena. Kien siefer mal-familja l-Ingilterra u huwa relatat ma' żewġ pazjenti oħra li rriżultaw pożittiv. Kollha kemm huma kienu fi kwarantina
  • Ħaddiema tas-saħħa ta' 60 sena. Ma kinitx xogħol meta kienet bis-sintomi. Iddaħħlet l-isptar ftit wara li wasslet minn barra minħabba kundizzjoni medika oħra. Sarilha t-test iżda rriżulta fin-negattiv u lbieraħ reġa' sarilha t-test u ħareġ pożittiv. Meta ddaħlet l-isptar, peress li kienet imsiefra, inżammet mill-ewwel f'iżolament.

Każijiet ta' trasmissjoni lokali

  • Malti ta' 23 sena. Relatat ma' każ ieħor li ħareġ pożittiv u li ma kien relatat mal-ebda safar.
  • Maltija ta' 26 sena. Kienet marret ix-xogħol bis-sintomi u għalhekk qed isir contact tracing mal-persuni fuq il-post tax-xogħol

Kemm hemm persuni d-dar u persuni l-isptar?

Il-Professur Gauci spjegat li mill-pazjenti kollha, huma erbatax li qed jinżammu fl-Infection Disease Unit tal-Isptar Mater Dei, tmintax li jinsabu fl-isptar St. Thomas u l-anzjan ta' 61 sena li għadu rikoverat fit-Taqsima tal-Kura Intensiva ta' Mater Dei.

Il-bqija tal-pazjenti jinsabu fid-dar tagħhom. Dan jixhed kemm il-kundizzjoni tagħhom hija waħda tajba. Fid-dar, dawn il-pazjenti, joqogħdu f'iżolment.

More in Politika