'Dawk bi ftit aktar mill-paga minima m'għandhom xejn imġemma ... hemm bżonn aktar għajnuna'

20 għaqda tal-Knisja jappellaw għall-għajnuna lil dawk l-aktar vulnerabbli u fqar fis-soċjetà

"Filwaqt li l-inizjattivi li ħabbar il-Gvern huma kritiċi, qed jidher ċar li dan waħdu mhux biżżejjed sabiex jiġi żgurat li kulħadd ikun jista’ jgħix ħajja dinjituża fix-xhur li ġejjijn.  Sabiex dan iseħħ, huwa essenzjali li jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġi pprovdut appoġġ materjali u finanzjarju lil kull min m’għandux biżżejjed dħul biex ikollu saqaf fuq rasu, mediċini jew ikel." 

Hekk stqarrew 20 għaqda tal-Knisja fi stqarrija li rriflettiet fuq il-bżonn ta' għajnuna lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli f'dan iż-żmien iebes u hekk kif qed ikompli jinxtered il-virus Covid-19. 

Minkejja li jirrikonoxxu l-miżuri li ħabbar il-Gvern, anke fil-qasam tal-kera, qalu illi jinsabu "ferm imħassba dwar l-impatt li l-imxija tal-coronavirus ser tħalli fuq dawk li huma l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna."  Huma qalu illi m’hemm l-ebda dubju li l-effetti ekonomiċi se jaffetwaw l-aktar lill-foqra u dawk l-aktar emarġinati.

Huma qalu illi fost l-aktar vulnerabbli  - nies b’diżabbiltà, nies bi problemi ta’ saħħa mentali, dawk li qed jissieltu kontra xi tip ta’ vizzju, eks priġuniera, eks vittmi ta’ vjolenza domestika li qed jippruvaw jerġgħu jibnu ħajjithom, refuġjati, immigranti jew familji kbar li jridu jgħixu fuq paga waħda - id-dħul ġeneralment ikun ta' ftit aktar mill-paga minima.  "Minn dawn, ftit huma dawk li għandhom xi flus imġemma’ li jkunu jistgħu jsostnuhom f’perjodu bla xogħol fit-tul.  Filwaqt li xi wħud jistgħu jibbenifikaw minn benefiċċji soċjali, dan ma japplikax għal kulħadd."

L-għaqdiet li ffirmaw din l-istqarrija huma:  Kummissjoni Ġustizzja u Paċi Kummissjoni, Djakonija Kunsill Superjuri Maġġuri tar-Reliġjużi(KSMR),  Djar tal-Knisja tal-Anzjani, Caritas Malta,  Fondazzjoni Dar Merħba Bik , Dar Hosea, Dar tal-Providenza, Fondazzjoni Sebħ, Fondazzjoni ‘Paċi u Ġid’, Jesuit Refugee Service (Malta), Laboratorju tal-Paċi, Kummissjani Emigranti, Malta Millenium Chapel, L-Istitut Paulo Freire, Salesjani, Dar Osanna Pia, Segretarjat Assistenza Soċjali Azzjoni Kattolika Maltija (SAS), Soċjetà ta’ San Vinċenz de Paul – Malta, Fondazzjoni St Jeanne,  Fondazzjoni Youth Alive

More in Politika