San Vinċenz iħejji pjan ta' kontinġenza; Anzjani anke bid-dimensja rilokati fi swali oħra

Anzjani fis-swali RB1, RB2 u RB3 jiġu rilokati biex ikunu mħejjija f'każ li jkun hemm anzjani li jkollhom bżonn jiġu iżolati minħabba l-coronavirus

Diversi anzjani inkluż pazjenti bid-dimensja kellhom jiċċaqilqu mis-swali tagħhom fir-residenza San Vincenz de Paule hekk kif għaddejja l-ħidma biex l-istess residenza tkun imħejjija f’każ ta’ anzjani li jkollhom bżonn jiġu iżolati minħabba l-coronavirus.

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mid-djar tal-anzjani, Silvio Parnis, ikkonferma mas-sit illum.com.mt li s-sala RB3 qed tkun ippreparata f’każ li xi residenti jkollhom bżonn jiġu iżolati.

Is-swali RB1 u RB2 ukoll se jkunu kkonvertiti bħala units speċjali bħala parti mill-pjan ta’ kontinġenza u għalhekk, l-anzjani residenti f’dawn it-tliet units kellhom jiġu rilokati.

Madanakollu, qraba ta’ anzjani, partikolarment dawk tal-residenti bid-dimensja, ilmentaw ma' dan is-sit dwar il-fatt li dan iċ-ċaqliq mhux se jagħmel ġid lill-qraba tagħhom.

“Possibbli l-ebda "espert" ma jfakkar li waħda mill-agħar sitwazzjonijiet għal din il-kundizzjoni hija t-tibdil tal-ambjent fejn tkun tgħix? Possibbli ma hemmx soluzzjonijiet friski fejn tinħoloq kwarantina għall-pazjenti morda? Għalfejn għandhom ibatu pazjenti oħrajn,” insista iben wieħed mill-pazjenti bid-dimenja li se jkollhom jiġu rilokati.

Mistoqsi dwar dan, kelliem għas-Segretarjat Parlamentari saħaq li s-sala RB3 ġiet magħżula wara konsultazzjoni bejn diversi professjonisti u kien tenut kont li hija l-iżjed sala iżolata u b’hekk hija l-iżjed waħda li hija kapaċi tnaqqas it-tixrid tal-infezzjonijiet.

Spjega li fis-sala se jkun hemm it-tagħmir kollu meħtieġ ippreparat fosthom ilbies protettiv li huwa tal-istess livell bħal dak li qed jintuża f’Mater Dei u sptarijiet oħra. 

“Ta’ min li wieħed jgħid ukoll li l-pjan ta’ kontiġenza f’din ir-residenza qed ikun attwat skont l-esiġenzi u l-gwida li tingħata mid-Dipartiment tas-Saħħa,” spjega l-kelliem.

Is-sit illum.com.mt kien żvela wkoll kif ir-residenti fl-Imsida Home ġew rilokati kollha kemm huma hekk kif din id-dar tal-anzjani qed tkun imħejjija f’każ li jkun hemm anzjani residenti fi djar tal-anzjani u li jkollhom bżonn jitpoġġew f’iżolament.

X’miżuri ttieħdu fi djar tal-anzjani biex jonqos it-tixrid tal-Covid-19?

Meta fis-7 ta’ April irriżulta l-ewwel każ ta’ coronavirus f’Malta, mill-ewwel inħareġ avviż biex kull min iħossu ma jiflaħx jew għadu kif jivjaġġa fil-pajjiżi indikati mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, m’għandux iżur il-qraba li jinsabu fir-residenzi għall-anzjani.

Minn dakinhar  ġie żgurat li f’kull entratura tad-djar residenzjali jkun hemm hand rub. 

Il-ħinijiet ġew restritti għal filgħaxija u wara nofsinhar u limitati għal massimu ta’ żewġ persuni fejn kull resident. Fir-residenza ta’ San Vinċenz De Paul bdiet ukoll sistema ta’ monitoraġġ għal dawk li jidħlu u l-appuntamenti għas-servizzi tal-outpatients, ġew skedati għal dati oħra.

Tliet ijiem wara jiġifieri fl-10 ta’ Marzu, fid-dawl tal-iżviluppi li saru, ġie mħabbar li l-ħinijiet tad-dħul tal-viżitaturi kemm fir-residenzi għall-anzjani kollha u anki fir-residenza ta’ San Vinċenz De Paul ġew restritti għall-11am san-12:30pm u l-4:00pm u s-6:00pm.

Ingħata wkoll permess li tidħol biss persuna waħda fejn kull resident u kull viżitatur u ħaddiem beda jsirlu monitoraġġ. 

Fit-12 ta’ Marzu ttieħdet id-deċiżjoni li d-djar residenzjali għall-anzjani u r-residenza ta’ San Vinċenz De Paul iwaqqfu ż-żjarat kollha mill-viżitaturi u jkunu permessi li jidħlu viżitaturi f’każi urġenti biss. 

B’rabta ma’ din il-miżura qed jiġi assigurat (permezz ta’ ċirkolari maħruġ mill-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali) li jkun hemm komunikazzjoni bejn ir-residenti u l-familjari fir-residenzi għall-anzjani kollha. Fir-residenza ta’ San Vinċenz De Paul qed jintuża Skype għal dan il-għan. 

Barra minn hekk saru laqgħat flimkien mal-kapijiet tad-djar residenzjali sabiex dawn ikunu ppreparati dwar il-mezzi li għandhom jittieħdu biex jipproteġu lill-anzjani mill-COVID-19. 

Skont is-Segretarjat Parlamentari, saret ukoll sensiela ta’ taħriġ biex l-impjegati jkomplu jżidu l-ħiliet fir-rigward tal-kontroll tat-tixrid tal-COVID-19.

Apparti r-residenti anzjani fid-djar tal-anzjani, l-appell huma biex lil l-anzjani u lill-persuni vulnerabbli ma joħorġux mid-dar tagħhom jekk verament mhux għall-bżonn.

Helpline: 25903030: Għall-anzjani li ma għandhomx min idur bihom u għandhom bżonn qadjiet ta’ kuljum.

More in Politika