Il-PN jisħaq li l-Gvern qed iqis 140,000 ħaddiem bħala tat-tieni klassi

L-Oppożizzjoni insistiet li Robert Abela qiegħed jagħmel żball enormi meta qiegħed jinjora lil dawk is-setturi li kienu l-pilastri tat-tkabbir ekonomiku f'pajjiżna

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu dwar il-pakkett ta’ miżuri ġodda li l-Gvern ħabbar ilbieraħ, il-Partit Nazzjonalista insista li minn 164,000 impjegat fis-settur privat li kollha se jintlaqtu ħażin minn din is-sitwazzjoni, il-Gvern għażel li jgħin bis-serjetà 60,000 biss.

“Lill-bqija qed iqishom bħala ħaddiema tat-tieni klassi jew billi ma jagħtihom l-ebda għajnuna jew inkella billi jagħtihom għajnuna li ma tiswa xejn,” insistiet l-istqarrija.

L-Oppożizzjoni insistiet li Robert Abela qiegħed jagħmel żball enormi meta qiegħed jinjora lil dawk is-setturi li kienu l-pilastri tat-tkabbir ekonomiku f'pajjiżna.

Tenniet is-sejħa tagħha biex il- Gvern iraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma fiż-żmien meta ħafna min-nies qed iqattgħu iżjed ħin id-dar u allura jikkonsmaw iżjed.

“Bħalissa l-prezz taż-żejt qiegħed fl-iktar livell baxx li qatt niżel fih fl-aħħar snin. Huwa inaċċetabbli li l-Prim Ministru, meta mistoqsi għalfejn ma daħħalx din il-miżura issa, għażel li jwiegeb b'mod arroganti u partiġġjan u b'mod li jikser il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data. Il-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed jieħu passi legali dwar dan,” insistiet l-Oppożizzjoni.

L-Oppozizzjoni terġa' tappella lill-Gvern biex b'mod immedjat twaqqaf il-kirijiet tal-Gvern sakemm is-sitwazzjoni tirritorna għan-normal.

Iddeskriviet dan il-pakkett ġdid bħala wieħed sfurzat. “Li filwaqt li huma aħjar mill-ewwel żewġ tentattivi fjakki tiegħu xorta juri biċ-ċar li għad fadal ħafna x'jista' jsir,” insista l-Partit Nazzjonalista.

More in Politika