Aġġornata: Il-PN irid lill-Ministru għat-Turiżmi tirriżenja; Farrugia Portelli twieġeb

Dan wara li l-Kummissarju għall-Istandards saħaq li Julia Farrugia Portelli 'qabżet il-linja' meta dehret f'riklam tad-ditta Chetcuti Cauchi

Ritratt meħud mir-riklam inkwistjoni
Ritratt meħud mir-riklam inkwistjoni

Wara li l-Kummissarju għall-Istandards saħaq li l-Ministru Julia Farrugia Portelli 'qabżet il-linja' meta dehret f'riklam ta' Chetcuti Cauchi, il-Partit Nazzjonalista saħaq li din għandha terfa' r-responsabbiltà politika u tirriżenja minn Ministru.

Madanakollu, fi tweġiba tagħha għar-rapport, Farrugia Portelli kkwotat lill-Kummissarju jgħid li hi ma dehritx fuq il-filmati ta' Chetcuti Cauchi b'intenzjoni ħażina.

Fil-fatt, il-Kummissarju deherlu li fiċ-ċirkostanzi dik l-azzjoni u r-rapport tiegħu huma fihom infushom rimedju biżżejjed. 

Fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kontra l-Ministru Julia Farrugia Portelli, l-Partit Nazzjonalista jqis il-pożizzjoni tagħha bħala waħda mhix aktar tenibbli u għalhekk għandha terfa' r-responsabbiltà politika u tirriżenja minn Ministru.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista insista li dan huwa każ ċar ta' imġieba politika ħażina li għaliha għandha ġġorr l-konsegwenzi. L-irresponsabbiltà tiggrava l-aġir ta' min ma' fehemx kif għandu jġib ruħu fil-kariga li huwa jkun qed jokkupa.

"Il-Partit Nazzjonalista jfakkar lill-Ministru li l-filmat promozzjonali li ġie żvelat mill-midja u li ntuża minn ditta legali li tbiegħ il-passaporti, ġie ffilmjat fil-kamra fejn issoltu jiltaqa' l-Kabinett f'Kastilja u fih jidhru s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli, l-Kap Eżekuttiv tal-IIP Jonathan Cardona u l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Residency Visa Agency Roderick Cutajar. Dan il-fatt jikkonferma kemm il-Ministru Julia Farrugia Portelli kienet taf eżatti x'inhi tagħmel u l-intenzjonijiet politiċi tagħha joħorġu mill-azzjonijiet tagħha stess," insista l-Kelliem Nazzjonalista Karol Aquilina.

L-Istqarrija tisħaq li dan huwa mument ta' prova ieħor għall-Prim Ministru Robert Abela li mill-kliem issa jrid jgħaddi għall-fatti billi jara li tinġarr ir-responsabbiltà mill-Ministru Julia Farrugia Portelli.

Aktar qabel:

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kkonkluda li meta Julia Farrugia Portelli dehret fi tliet filmati li pproduċiet id-ditta legali Chetcuti Cauchi biex tippromovi l-iskemi taċ-ċittadinanza b’investiment u ta’ viżi residenzjali, setgħet tat vantaġġ mhux xieraq lill-istess ditta legali, anke għax fi kliemu, dan seta’ ta l-impressjoni li “d-ditta kellha rabtiet mill-qrib mal- awtoritajiet.” Madanakollu insista li għamlitx dan f'fini ħażina.

Fi stqarrija, il-Kummissarju insista li meta ministru jagħti appoġġ lil xi inizjattiva ta’ operatur privat, għandu joqgħod attent li ma jaqbiżx il-linja bejn għajnuna uffiċjali xierqa u l-għoti ta’ vantaġġ mhux xieraq.

Kienet l-organizzazzjoni Repubblika li ressqet l-ilment quddiem il-Kummissjoni wara li l-Ministru Farrugia Portelli, dak iż-żmien Segretarju Parlamentari risponsabbli minn dawn l-iskemi dehret f’filmat promozzjonali prodott mid-ditta legali Chetcuti Cauchi, liema filmat ġie miġbud fil-Berġa ta’ Kastilja.

Id-ditta legali hija l-istess waħda li spiċċat tilfet il-liċenzja tagħha biex tkun aġent tal-IIP wara li ġurnalist ta’ programm Franċiż xandar filmat ta’ wieħed mill-avukati jiftaħar mal-ġurnalist (li ppretenda li kien hemm f’isem klijent li jrid iċ-ċittadinanza Maltija), li jaf mill-qrib lill-Prim Ministru, dak iż-żmien Joseph Muscat u lil Farrugia Portelli.  

Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Kummissarju kkonkluda li: “hemm linja fina bejn il-promozzjoni ta’ skema tal-Gvern u l-għoti ta’ trattament preferenzjali lil aġent partikolari. Fil-fehma tiegħi, din il-linja nqabżet fil-każ taħt konsiderazzjoni.”

Madanakollu, il-Kummissarju sab ukoll li s-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli ma kenitx direttament involuta fil-produzzjoni tal-filmati, apparti li tat is-sehem tagħha.

Insista, li hi ma għamlitx dan b’intenzjoni ħażina iżda ta’ nuqqas ta’ ħsieb min-naħa tagħha, kif ukoll nuqqas ta’ azzjoni f’waqtha biex il-filmati jitneħħew malli saret taf bl-effetti tal-aġir tagħha.

Wara li l-Kummissarju ltaqa’ mal-Onor Farrugia Portelli u mal-Avukat Jean Philippe Chetcuti tad-ditta Chetcuti Cauchi, l-Onor Farrugia Portelli tat struzzjonijiet biex il-filmati jitneħħew mill-paġni elettroniċi tad-ditta.

Il-Kummissarju deherlu li fiċ-ċirkostanzi dik l-azzjoni u r-rapport tiegħu huma fihom infushom rimedju biżżejjed. 

More in Politika