Min se jgawdi mill-miżuri tal-Gvern? Kif se jibbenefikaw? U l-Għawdxin? L-ILLUM tispjega

Is-sit illum.com.mt ILLUM jagħti ħarsa lejn il-miżuri u jispjegahom pass pass

Triq Merkanti vojta - Ritratt ta' James Bianchi
Triq Merkanti vojta - Ritratt ta' James Bianchi

Illejla, il-Prim Ministru Robert Abela, bi qbil mal-imsieħba soċjali kollha, ħabbar pakkett ta’ miżuri li jkompli ma’ dak imħabbar il-ġimgħa li għaddiet, liema pakkett ta’ miżuri se jkun ifisser nefqa ta’ madwar €65 u €70 miljun kull xahar.

Kif żvela s-sit illum.com.mt, il-Gvern se jkun qed iħallas €800 fix-xahar għal kull ħaddiem li jaħdem fis-setturi li ġew l-aktar milquta mill-Covid-19 u l-miżuri li ttieħdu biex l-imxija tkun ikkontrollata.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Gvern kien se jagħmel tajjeb għal sa jumejn xogħol ibbażat fuq paga ta’ €800 fix-xahar, iżda issa, b’dan il-pakkett aġġornat, il-Gvern se jkun qed iħallas sa ħamest ijiem xogħol u b’hekk se jagħti €800 fix-xahar.

Din il-miżura se tolqot 60,000 impjegat u se tiswa lill-Gvern €44.

Liema huma s-setturi meqjusa kritiċi?

Dawk is-setturi li huma meqjusa l-aktar milquta u li għan-negozji fihom il-Gvern se jkun qed jiggarantixxi t-€800 fix-xahar għal kull ħaddiem huma:

  • Wholesale
  • Bejgħ bl-imnut (Retail)
  • Akkomodazzjoni
  • Ristoranti u barijiet
  • Kiri ta’ vetturi
  • Aġenziji tal-ivjaġġar, gwidi u attivitajiet relatati 
  • Attivitajiet marbuta mas-sigurtà
  • Manutenzjoni
  • Trasport
  • Arti kreattivà u divertiment
  • Attivitajiet personali (bħalma huma l-hairdressers)

Għajnuna lil setturi oħra miltuqa

Għan-negozji f'setturi oħra, li wkoll intlaqtu b’mod negattiv mill-imxija tal-Covid-19 u l-miżuri biex din tkun ikkontrollata, il-Gvern se jkun qed jagħtihom ġurnata ħlas għal kull ħaddiem ibbażat fuq €800 fix-xahar, biċ-ċans li din saħansitra titla’ wkoll għal jumejn.

Din il-miżura se tolqot 50,000 ħaddiem u se tiswa €17-il miljun.

Liema huma s-setturi l-oħra li qed jgħin il-Gvern?

Is-setturi/negozji li għalihom il-Gvern se jkun qed jiggarantixxi sa jumejn xogħol (fuq paga ta’ €800 fix-xahar) huma:

  • Manifattura
  • Wholesale (parti minn)
  • Retail (parti minn)
  • Warehouse
  • Informazzjoni

U l-Għawdxin se jibbenefikaw?

Apparti li l-Għawdxin se japplikaw anke għall-miżura tat-€800 fix-xahar, għal dawk il-ħaddiema Għawdxin fis-setturi l-oħra milquta (ara hawn fuq), il-Gvern se jagħmel tajjeb għal jumejn xogħol (mhux ġurnata) ibbażati fuq €800 fix-xahar.

U s-self employed?

Għal dawk li huma self-employed (u li n-negozju tagħhom jaqgħu fis-setturi oħra msemmija aktar 'il fuq) u li jħaddmu n-nies magħhom, flok jumejn, se jingħataw għajnuna għal tlett ijiem xogħol.

U għal min jaħdem part-time?

Kif spjegat, l-għajnuna għal dawk li jaħdmu fuq bażi full-time se tkun ta’ €800 fix-xahar. Għal dawk part-time, il-Gvern se jkun qed iħallas €500 fix-xahar għal kull ħaddiem.

Dawk li qed jaħdmu fuq ġurnata jew tnejn jieħdu €100 jew €200 rispettivament.

Allura min iħaddem se joqgħod b’idu fuq żaqqu?

Assolutament mhux hekk. Ma jfissirx li l-Gvern se jħallas it-€800 u l-impjegaturi ma jiggarantixxu xejn.

Bi qbil bejn l-imsieħba soċjali kollha, jiġifieri bejn il-unjins u min iħaddem, l-impjegaturi se jkunu wkoll qed jiggarantixxu minimu ta’ €400 fix-xahar, biex hekk il-ħaddiema (fis-setturi imsemmija), ikollhom dħul ta’ (minn tal-inqas) €1,200.

F’każ li impjegatur ma jkunx se jlaħħaq ma din il-garanzija, irid jikteb lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u jispjega, fid-dettall, għaliex.

Kif tista’ tagħmel biex tapplika?

L-applikazzjonijiet għas-setturi li huma eliġibbli jistgħu jinkisbu minn fuq covid19.maltaenterprise.com

Dak li tħabbar il-ġimgħa li għaddiet jibqa' japplika?

Iva. Dak li tħabbar il-ġimgħa li għaddiet jibqa’ japplika.

Il-ġimgħa li għaddiet il-Gvern ħabbar il-posponiment tal-ħlasijiet tat-taxxa tad-dħul (income tax), tal-bolla u tal-VAT. Il-ħlasijiet dovuti għal Marzu u April se jsiru f’data oħra. Dawn se jfissru €700. Il-Gvern se jkun qed jara jekk ikunx meħtieġ posponiment ta’ xhur oħrajn biex jgħin aktar lill-industrija.

Il-Gvern kien ħabbar ukoll li:

  • Il-Gvern se jgħin lil dawk il-ġenituri li jaħdmu t-tnejn fis-settur privat u li wieħed minnhom ikollu jibqa’ d-dar biex jieħu ħsieb it-tfal, billi jagħti €800 fix-xahar lil wieħed minnhom. Din il-miżura se tolqot 12,000 familja u se tiswa €19-il miljun fuq xahrejn
  • Persuni b’diżabilità li jaħdmu fil-privat u li huma rreġistrati ma’ Jobsplus u li minn jeddhom jagħżlu li jibqgħu d-dar, għax ikunu aktar vulnerabbli għall-Covid-19, se jkunu wkoll qed jibbenefikaw minn €800 fix-xahar. Din il-miżura se tiswa €2 fuq xahrejn.
  • Dawk il-persuni li ġew, jew li se jispiċċaw bla xogħol (mid-9 ta’ Marzu ‘l quddiem), konsegwenza tal-Covid-19, ukoll se jkunu qed jirċievu €800 fix-xahar, apparti l-benefiċċju tal-qgħad.

Dawn il-miżuri japplikaw għall-impjegati u anke għas-self-employed, inkluż dawk li jaħdmu fuq bażi part-time. Se jkun hemm applikazzjoni separata għal kull miżura u l-individwi għandhom japplikaw onlajn mis-sit tad-Dipartiment Soċjali jew servizz.gov. Aktar informazzjoni tinkiseb minn fuq in-numru 153.

More in Politika