Aġġornata | Il-Gvern irid li f'xahrejn Malta jkollha sptar ġdid; Għaliex ma nużawx l-isptar San Luqa?

Il-Ministeru għas-Saħħa qed ifittex offerti għax-xiri u l-installazzjoni ta’ sptar “pre-fabricated”

Il-Ministeru għas-Saħħa qed ifittex offerti għax-xiri u l-installazzjoni ta’ sptar “pre-fabricated” li jesa aktar min 90 pazjent, liema sptar għandu jkun komplut fi ftit ġimgħat.

L-offerta għax-xiri u installazzjoni ta’  “modular extendable Sandwich Panel Negative-Pressure Field Hospital,”tisħaq li l-isptar irid ikun mgħammar bl-affarijiet kollha li hemm bżonn.

Is-sottomissjonijiet se jintlaqgħu sas-26 ta’ Marzu 2020. L-offerta tisħaq li min se jirbaħ il-kuntratt se jeħel multa ta’ €50,000 għal kull jum li jittardja biex jibda u jispiċċa l-proġett.

Il-Gvern irid li min japplika jkollu tliet snin ta’ esperjenza fil-proviżjoni ta’ sptarijiet pre-fabricated.

L-isptar se jkollu madwar 57 ventilator.

Fost oħrajn, dan għandu jinkludi wkoll:

  • Emerġenza
  • Laboratorju
  • Kamra għall-X-Rays
  • Kamra mortwarja
  • 6 ITUs, b’60 sodda, 60 monitor u 45 ventilator

Mhux aħjar użajna San Luqa? Twieġeb Charmaine Gauci

Intant, mistoqsija dwar dan, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, saħqet li l-awtoritajiet qed jagħmlu dak kollu possibbli biex fejn possibbli jkunu miżjuda s-sodod biex is-servizzi tas-saħħa jkunu jistgħu jlaħħqu mal-pazjenti.

Fakkret li diversi spazji f'Mater Dei qed jinbiddlu fi swali bis-sodod, fl-isptar Boffa li wkoll qed ikun imħejji biex jilqa' pazjenti, fost postijiet oħra. 

Dwar l-isptar pre-fabricated, Gauci saħqet li din hija miżura oħra li qed tittieħed biex kemm jista' jkun Malta tkun imħejjija u jkollha biżżejjed sodod f'każ li jkun hemm ħafna pazjenti.

Mistoqsija dwar kienx ikun aħjar li jintuża l-isptar San Luqa, Charmaine Gauci saħqet li sptar li jkun ilu ma jintuża jkollu bżonn investiment ħafna akbar u għalhekk kien jagħmel aktar sens li jkun hemm sptar ġdid.

Fejn se jitpoġġa dan l-isptar?

Mistoqsija fejn se jkun qed isir dan l-isptar pre-fabricated, Gauci saħqet li għadu qed issir l-assessjar fejn l-aħjar isir.

Madanakollu qalet li l-ideali ikun li dan jitpoġġa viċin Mater Dei.

Aqra aktar hawn dwar l-ispeċifikazzjonijiet: 

More in Politika