'Irridu naddattaw għal dan l-istil tal-ħajja... hija sitwazzjoni li se ddum ftit fit-tul' - Charmaine Gauci

Gauci qalet dan waqt l-aġġornament ta' kuljum dwar is-sitwazzjoni f'Malta b'rabta mal-coronavirus

Pjazza Reġina vojta ... Ritratt ta' James Bianchi
Pjazza Reġina vojta ... Ritratt ta' James Bianchi

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, tenniet l-appell tagħha biex kemm jista' jkun ma jsirx ħruġ għalxejn filwaqt li saħqet li l-poplu jrid jaddatta għal dan l-istil tal-ħajja, għax fi kliemha, hija sitwazzjoni "li se ddum ftit fit-tul."

Gauci qalet dan waqt l-aġġornament ta' kuljum dwar is-sitwazzjoni f'Malta, fejn spjegat kif fl-aħħar 24 siegħa, 17-il pazjent ieħor irriżulta pożittiv għall-coronavirus, b'għaxar każi jkunu relatati ma' safar u sebgħa huma każi ta' trasmissjoni lokali.

"Irridu nitgħallmu nkomplu bil-ħajja tagħna ta' kuljum, iżda nżommu f'kuntatt biss mal-persuni fil-familja tagħna," saħqet Gauci. 

Appellat ukoll biex anke fid-djar, il-familji jieklu ikel tajjeb għas-saħħa u anke jagħmlu l-eżerċizzju fiżiku, għax fi kliemha, aktar ma jkun hemm mard kroniku, aktar jista' jkun hemm kumplikazzjonjiet jekk jieħdu l-virus.

Tennet l-appel tagħha biex kemm jista' jkun in-nies ma joħorġux, speċjalment l-anzjani. Appellat biex kemm possibbli, in-nies iżommu d-distanza minn xulxin u propju għalhekk li twaqqfu l-laqgħat kollha organizzati.

Appellat ukoll għax-xogħol mid-dar filwaqt li ħeġġet lil min iħaddem biex fejn possibbli, jippermetti lill-ħaddiema tiegħu jaħdmu mid-dar.

More in Politika