Coronavirus | Ma hemm l-ebda riskju għan-nisa tqal biex iwelldu f'Mater Dei

Mater Dei jinsab lest ukoll għall-eventwalità li jkun hemm nisa tqal pożittivi għall-Covid-19

Il-Kulleġġ Malti tal-Obstetriċi u Ġinekologi ħeġġet lin-nisa tqal biex ma jinkwetawx għax fl-Isptar Mater Dei ittieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex ma jkun hemm l-ebda riskju għal dawn l-ommijiet waqt il-ħlas u dan minkejja li fl-istess sptar hemm pazjenti bil-Coronavirus.

L-Isptar Mater Dei ħa wkoll il-passi kollha neċessarji biex jagħti l-aħjar kura f’każ li jkun hemm nisa tqal li jirriżultaw pożittiv għall-Covid-19.

Fil-fatt,  il-kulleġġ spjega kif f’każ li jkun hemm nisa tqal li jirriżultaw pożittiv għall-virus jew ikun hemm suspett li dawn jistgħu jkunu infettati, se jiddaħħlu l-isptar għall-osservazzjoni u se jkunu qed jitpoġġew f’wards apposta.

Hekk kif ħabbar il-miżuri ġodda, il-Kulleġġ saħaq li sa issa ma hemm l-ebda evidenza li turi li r-riskju ta’ kumplikazzjonijiet huwa akbar għan-nisa tqal u t-trabi tagħhom, anke jekk hemm bżonn aktar evidenza u studju.

Intant, trabi li jitwieldu minn nisa pożittivi għall-Covid-19 se jkunu separati minnufih mill-omm għal erbatax-il ġurnata.

Apparti minn hekk, il-Kulleġ, appella lin-nisa tqal biex ikomplu jmorru għall-appuntamenti tagħhom, inkluż għall-ultrasounds.

More in Politika