'Aħna fl-Emerġenza qed nagħmlu sagrifiċċji kbar u intom se tibqgħu tiġru barra? Din mhix xalata!'

Iktar appelli biex tibqgħu d-dar għal saħħitkom, saħħet l-oħrajn u b'rispett lejn il-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa

Ritratt arkivji
Ritratt arkivji

Bħalissa qed isiru diversi appelli sabiex in-nies ma joħorġux biex b'hekk il-virus Covid-19 ma jkomplix jinxtered.  Aktar kmieni llum is-Supretendent Charmaine Gauci qalet illi f'jum wieħed ittestjaw pożittiv 11-il persuna - li huwa l-akbar numru f'jum wieħed biss.  Dan jgħolli n-numru ta' persuni bil-coronavirus għal total ta' 64.

Ħaddiem partikolari fil-qasam tas-saħħa -  Johan Briffa - għamel appell imqanqal biex kulħadd jibqa' d-dar. "Tafu li hawn tranżmissjoni lokali tal-virus? Dan jittieħed faċilment u ħafna nies mhux jirrealizzaw il-periklu li ninsabu fih!" sostna Briffa li huwa ħaddiem fl-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei.

Kompla jistaqsi, "Meta se tifhmu li mhux qegħdin xalata? Jien u l-kollegi tiegħi fid-Dipartiment tal-Emergenza qed naghmlu sagrifiċċji kbar b' detriment għal saħħitna biex niġbru n-nies infettati sabiex ma jibqgħux barra u intom se tkomplu tiġru barra bil-familji!"

"Ieqaf u aħseb. Jekk mhux fik, f'dawk li huma aktar dgħajfa minnek. Ibqa' ġewwa issa!"

Dan l-appell jingħaqad ma' ħafna oħrajn biex kulħadd jibqa' ġewwa u dan speċjalment wara li fuq Facebook bdew iduru ritratti ta' nies barra, daqslikieku l-Ħadd li għadda kien Ħadd bħall-oħrajn. 

More in Politika