Miżuri Covid-19 | 'Għajnuna diretta għall-pagi u kirjiet li jiġġeddu awtomatikament ' - AD

Alternattiva Demokratika bi tliet proposti biex jitnaqqas il-piż fuq il-ħaddiem hekk kif l-ekonomija tieħu daqqa liema bħala

Fi stqarrija dwar ''il-kriżi li jinsabu fiha ċerti setturi ekonomiċi, u fid-dawl tal-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea, u dik mħabbra mill-Gvern," Carmel Cacopardo, Chairperson tal-Alternattiva Demokratika (AD) qal li l-partit jidhrlu li għandhom jittieħdu numru ta’ miżuri addizzjonali, fosthom:

1. Għajnuna lin-negozji għandha tmur biss lil dawk li batew tnaqqis drastiku fid-dħul tagħhom meta mqabbel mas-sena l-oħra. Alternattiva Demokratika tinnota li l-għajnuna mħabbra ‘l bieraħ hija iffukata l-aktar fuq faċilitazzjoni ta’ self mill-banek. Filwaqt li tgħid illi din hija miżura importanti, "f’dan il-waqt għajnuna diretta li tmur lejn il-pagi tal-ħaddiema hija essenzjali. Kull għajnuna diretta lin-negozji għandha tintrabat mal-obbligu tal-ħarsien tal-postijiet tax-xogħol."

2. Alternattiva Demokratika hija wkoll imħassba għal diversi ħaddiema freelance u anke ħaddiema każwali. Dawn qed jispiċċaw b’tnaqqis drastiku ħafna ta’ xogħol u dħul," tgħid l-Alternattiva Demokratika.  Għalhekk tipproponi li "l-għajnuna lil dawn il-kategoriji għandha tkun dħul garantit għax-xhur li ġejjin; dawn huma kategorija minn l-aktar vulnerabbli ghax m’hu qed jitkellem ghalihom hadd."

3. Il-kuntratti tal-inkwilini f’propjetajiet mikrija għandhom jiġġeddu awtomatikament sakemm tghaddi l-krizi. Dan apparti bżonn ta’ impenn akbar mill-gvern biex joffri housing diċenti u adegwat lill-aktar vulnerabbli.

Alternattiva Demokratika qalet illi jidhrilha li dawn l-impatti fuq id-dinja tax-xogħol juru diffett strutturali fil-qasam socjali. "M'aħniex l-unika pajjiz li għandna din il-problema. Huwa importanti li bħal f'pajjiżi bħall-Isvezja, n-Norveġja u l-belt ta' Utrecht fl-Olanda, jiġu diskussi fil-fond u bis-serjeta' f'Malta wkoll skemi ta’ dħul garantit għal kulhadd magħrufa bħala Universal Basic Income u Guaranteed Minimum Income. Ikun għaqli li nibdew nikkunsdraw din it-triq għall-futur," temmet tgħid l-AD.

More in Politika