Coronavirus | Fi ftit jiem il-Gvern mistenni jħabbar mini-baġit b'pakkett ta' inċentivi u miżuri

Il-Ministru tal-Finanzi jgħid li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet intensivi dwar pakkett ta' għajnuna li ddeskrivieh bħala 'mini-baġit'

Waqt li kien qed jagħmel id-diskors tiegħu fil-plenarja tal-Parlament - li llum qed jiddiskuti l-coronavirus f'Malta -  il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li llum kienet ġurnata ta' diskussjonijiet twal biex il-Gvern jipproduċi pakkett ta' għajnuna lis-setturi milquta, hekk kif il-Covid-19 u t-tixrid tagħha qed twassal għall-kollass fis-settur turistiku, tad-divertiment u bejgħ bl-imnut fost oħrajn.  Huwa qal illi dan mistenni jitħabbar fiż-żmien li ġej f'dak li ddeskriva bħala mini-baġit.

"M'hemmx dubju li hemm setturi bħal tal-lukandi, magħluqin kollha u tal-bejgħ bl-imnut ... dawn għandhom bżonn l-għajnuna."  Scicluna qal illi dak li diġa ħabbar il-Gvern kien biss l-ewwel parti tal-għajnuna li se jagħti. 

Huwa qal li l-Gvern se jgħin biex in-negozji jibqgħu għaddejjin u ma jfallux u indika li l-kwistjoni tal-leave tal-kwarantina wkoll qed tkun ikkunsidrata f'dan il-pakkett ta' inċentivi. "Anke dwar min tilef l-impjieg, irridu nistaasu x'għandna nagħmlu. Indaħħluh magħna persuna li tilef ix-xogħol?  Nagħtuh il-benefiċċji?"

Scicluna sostna illi dan kollu jfisser li l-piż fuq il-Gvern se jiżdied kif inhu konxju li l-ispiża se tiżdied ukoll.

"Ma nistgħux nagħmlu tajjeb għall-bejgħ kollu imma se nagħmlu minn kollox biex nissopravivu."

Anke l-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri għamel referenza għal dan il-mini Baġit u qal illi apparti dan, bħalissa wkoll, għaddejjin diskussjonijiet biex ikunu salvagwardjati l-impjiegi.  Huwa qal illi l-ewwel impjiegi li jridu jkunu salvagwardjati huma dawk tal-Maltin u l-Għawdxin.

"Il-baġit li se nagħmlu mhux għal tliet xhur u daqshekk imma kull miżura ser issir b'għaqal ... għandna nies li se jispiċċaw fi tbatijiet iktar minn oħrajn. Identifikajna lil dawn il-faxex ta' nies ... kull miżura għandha għan u spiża abbinata magħha.  Se nużaw it-taxxi tal-poplu bil-għaqal biex insalvaw l-impjiegi."

Il-Kelliem tal-Finanzi għall-Oppożizzjoni Mario De Marco qal li l-miżuri kellhom jitħabbru llum għax huwa llum li qed jittieħdu d-deċiżjonijiet.

More in Politika