Delia jipproponi li l-Gvern jidħol għal 50% tal-paga ta' dawk li tilfu xogħolhom, fost proposti oħrajn

Il-Partit Nazzjonalista jipproponi diversi miżuri fosthom li l-Gvern iħallas sa 50% tal-paga ta' dawk li tilfu xogħolhom, b'ammont li jkun sa limitu

Adrian Delia jindirizza Konferenza tal-Aħbarijiet (arkivji)
Adrian Delia jindirizza Konferenza tal-Aħbarijiet (arkivji)

F'konferenza tal-Aħbarijiet il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna illi l-Gvern għandu jagħmel tajjeb għal 50% tal-pagi ta' dawk li tilfu u qed jitilfu xogħolhom minħabba is-sitwazzjoni tal-Covid-19.  Din il-miżura qed iseħħ f'xi pajjiżi Ewropej  - fosthom id-Danimarka. Delia qal li fil-fatt il-Gvern, diġa', kif inhi l-liġi llum huwa obbligat jħallas parti minn paga ta' persuna li titlef xogħolha permezz tar-relief.

Din il-miżura għandha tkun capped u allura l-Gvern ma jkunx jista' jagħti aktar minn ammont f'paga.

Delia qal ukoll illi l-Gvern għandu jikkunsidra li jidħol fi ftehim mal-banek biex ikunu posposti ħlasijiet ta' self fejn hemm bżonn.   Huwa qal ukoll li l-Gvern għandu jagħmel tajjeb għal-leave tal-kwarantina.

"Jeħtieġ li nkunu proattivi jekk irridu nsalvaw l-impjiegi," qal Delia.  "Ma naħsbux li hija attitudni tajba tal-Gvern li f'dan il-mument ta' esiġenza jitfa' kollox fuq min iħaddem ... huma dawk in-negozji u dawk li jaħdmu għal rashom li ħolqu l-ġid u jekk jitkissru tbati s-soċjetà,"

Il-Kelliem tal-Finanzi tal-PN Mario DeMarco sostna illi jekk ma niħdux azzjoni malajr ħafna negozji m'għandhomx ħajja twila.  De Marco saħaq illi hemm bżonn li mill-flus li għandu l-pajjiż jingħataw fondi, lill-industrija tat-turiżmu.

"Il-Gvern ilu jiftaħar bis-surplus, issa huwa l-mument li l-Gvern juża r-riżorsa finanzjarja tiegħu biex ħadd ma jitlef xogħolu."

 

More in Politika